Kumpanija tallega kunflitt ta’ interess minn Luciano Busuttil

Il-Qorti tal-Appell annullat sejħa li saret mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla wara allegazzjonijiet li saru fuq id-Deputat Laburista Luciano Busuttil minn kumpanija li uriet interess f’din is-sejħa għall-ġbir tal-iskart domestiku.
Il-Qorti ordnat li l-proċess jerġa’ jibda mill-ġdid u li kopja tas-sentenza tingħata lill-Avukat Ġenerali, lid-Direttur tal-Kuntratti u l-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
L-investigazzjonijiet għandhom jikkonkludu jekk Luciano Busuttil kellux dan il-kunflitt ta’ interess meta għadda pariri legali lill-Kunsill Lokali.
Il-Kumitat tal-Għażla tal-Kunsill kien stqarr li wasal għad-deċiżjoni li jiskwalifika lil din il-kumpanija fuq parir li ngħata mill-avukat Busuttil.
Il-kumpanija qed issostni li apparti li kien l-avukat tal-Kumitat tal-Għażla tal-Kunsill Lokali, Luciano Busuttil kien ukoll l-avukat ta’ kumpanija oħra li finalment ġiet aġġudikata t-tender.
Il-kumpanija li għamlet l-appell ġiet rifjutata minħabba ċertifikati tal-ETC li iżda l-kumpanija qed issostni li ġew ipprovduti u meta nfetħu l-offerti li tressqu ma kinitx ġiet infurmata li kien hemm dokumenti neqsin.
Il-Qorti esprimiet tħassib fuq l-allegazzjonijiet u dwar id-dokumenti qalet li dawn ġewx dikjarati neqsin meta nfetħu l-offerti imma aktar tard.
Ordnat ukoll li jitħassar il-kuntratt għas-servizz li ngħata lill-kumpanija l-oħra.