Kumpanija tal-blockchain se tiftaħ il-kwartieri tagħha f’Malta

Il-Kumpanija DQR Group mill-industrija tal-blockchain, ħabbret id-deċiżjoni li tistabbilixxi kwartieri f’Malta.
Skont is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji l-kumpanija se tkun qed tikkrea 200 impjieg ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li DQR Group se jservi sabiex jinkoraġġixxi kumpaniji oħra jġibu s-servizzi tagħhom f’Malta. Sostna li l-preżenza ta’ DQR Group se tlaqqam lil Malta bħala l-gżira tal-blockchain.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Dr Kristian Haehndal qal li Malta se ssir l-epiċentru tas-sistema tal-blockchain.
Fi stqarrija mis-Segretarjat intqal li l-kumpanija investiet €6 miljun għall-operazzjoniet tagħha f’Malta sabiex tattrezza ż-żewġ uffiċini tagħha f’Tas Sliema bl-aqwa software, sapport għall-klijenti u sistemi tal-senserija.
chiliZ tissieħeb mal-familja tal-blockchain Maltija
Kumpanija oħra bbażata fuq il-blockchain fejn jidħlu l-isport universali u l-esports, chiliZ se jkun qed jissieħeb mas-sistema tal-blockchain Maltija.
It-tim ta’ chiliZ jikkonsisti f’madwar 20 persuna u ilu bbażat f’Malta għal dawn l-aħħar 12-il sena.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott