Investigata kumpanija dwar allegat ksur tal-protezzjoni tad-data

Kumpanija se tiġi investigata dwar allegat ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad-data, skont il-Ministeru għall-Ġustizzja.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-Ministru Edward Zammit Lewis ħa nota “ta’ rapporti fil-midja dalgħodu dwar ksur ta’ regoli tal-protezzjoni tad-data.”

Persuna li ssegwi data breaches online qalet li database li kienet fiha 337,384 rekordju tal-informazzjoni personali ta’ votanti Maltin ġiet esposta online. L-informazzjoni tinkludi ismijiet, indirizzi, numru tal-karti tal-identità, u numri tat-telefon.

Intqal li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis aċċerta ruħu li l-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia jiskatta investigazzjoni skont il-liġi.

Skont il-persuna li żvelat dak li ġara, il-kumpanija C-Planet IT Solutions Ltd ġiet infurmata għadd ta’ drabi dwar il-problema imma li injorat il-komunikazzjonijiet kollha li rċeviet.

Kumpanija tas-sigurtà online qalet lit-Times of Malta li l-kumpanija li kienet qed iżżomm l-informazzjoni hija C-Planet IT Solutions Ltd. Sid il-kumpanija huwa Philip Farrugia, eks direttur tal-produzzjoni tal-midja tal-Partit Laburista One Productions.

C-Planet IT Solutions qalet lit-Times li ma kintix se tkun qed twieġeb domandi dwar dak li ġara. Insistiet li l-informazzjoni kienet “antika”. Matthew Caruana Galizia kiteb fuq Facebook li jekk wieħed ivvota fl-aħħar elezzjoni ġenerali, id-dettalji tiegħu qegħdin fuq il-lista.

If you're a Maltese voter and you've been hacked recently it could be a result of the data breach, which contains your…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Wednesday, April 1, 2020