Kumpanija oħra tista’ tiċċekkja karozzi impurtati mir-Renju Unit

Transport Malta approvat lil CAP HPI UK Ltd. bħala aġenzija biex tipprovdi ċertifikazzjoni ta’ Odometer għall-vetturi li ġejjin mill-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda.

Fi stqarrija Transport Malta fissret li l-kumpaniji JEVIC u CAP HPI UK Ltd. huma ż-żewġ kumpaniji li se jkunu qed jiċċertifikaw li l-mili jew kilometri li hemm fuq l-Odometer fil-vetturi impurtati mir-Renju Unit hu wieħed ġenwin u mhux irranġat. Żiedu li dan il-kejl isir sabiex il-konsumaturi ma jkunux imqarqa anke fejn tidħol ir-reġistrazzjoni tat-taxxa.

Transport Malta qalet li ċ-ċertifikazzjoni tal-Odometer jintuża għar-reġistrazzjoni tal-vettura li tkun importata minn stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dan isir wara li wieħed ikun kiseb il-valur tat-taxxa tar-reġistrazzjoni u tkun saret spezzjoni tal-vettura, bħala parti mir-reġistrazzjoni tal-vettura f’Malta, apparti li ċ-ċertifikat oriġinali tar-reġistrazzjoni (Log Book) u d-dokument ta’ valutazzjoni, għandhom ikunu preżentati numru ta’ dokumenti oħra fosthom dak tal-awtentiċità tal-Odometer.

Żiedu li s-sit elettroniku ta’ CAP HPI UK Ltd. joffri servizzi effiċjenti ta’ verifikazzjoni tal-Odometer għall-vetturi kollha li jkunu se jitilqu mir-Renju Unit biex jiġu Malta. Permezz ta’ din is-sistema l-konsumatur jista’ jidentifika, jiċċekja, jħallas u jivverifika dan kollu f’inqas minn minuta. Apparti min hekk l-istess sit joffri wkoll assistenza għall-mistoqsijiet li jkollhom il-konsumaturi.

Transport Malta qalet li l-ispiża ta’ din il-verifikazzjoni hija ta’ €30 u din titħallas direttament lil CAP HPI UK Ltd.