Kumpanija oħra tal-blockchain għal Malta

Il-kumpanija internazzjonali OKEx, ibbażata fil-Ġappun se tespandi l-operat tagħha f’Malta kif ġie mħabbar mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.
Il-kumpanija OKEx Technology Company Limited ħadet din id-deċiżjoni wara diversi laqgħat mal-Gvern. Il-kumpanija taħdem fil-qasam ta’ exchanges u tipprovdi exchange platforms lill-klijenti tagħha.
Chris Lee, il-Kap Eżekuttiv ta’ OKEx qal li qed iħares ’il quddiem biex jaħdem mal-Gvern Malti fil-qasam tad-DLT’s b’sistemi bħal blockchain u exchanges li permezz tar-regolarizzazzjoni tas-settur se toffri serħan il-moħħ.
Fl-aħħar ġimgħat din kienet it-tieni l-ikbar kumpanija fid-dinja f’dan il-qasam li se tkun qed tiftaħ l-opera tagħha f’Malta, bl-ewwel waħda tkun il-kumpanija Binance.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Silvio Schembri fisser li kien il-fatt li Malta kienet fuq quddiem nett li ressaq għad-diskussjoni r-regolamentazzjoni f’dan il-qasam emerġenti anke permezz tat-twaqqif ta’ awtorità regolitarja, li attira dawn il-kumpaniji ta’ livell globali.
Ritratt: OPM_PS