Kumpanija mmultata fuq ħasil tal-flus tilmenta li l-MFSA qed tagħmel il-bsaten fir-roti

MFSA

Kumpanija li toffri karti tal-kreditu għas-sinjuruni li ġiet immultata €373,670 talli ma osservatx liġijiet dwar il-ħasil tal-flus fetħet protest ġudizzjarju fejn qed tinsisti li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qed taġixxi b’mod abbużiv li qed jimmina l-futur tagħha.

Insignia Cards Ltd, li tuża s-servizzi tal-eks ministru għall-ekonomija Chris Cardona bħala konsulent, ġiet immultata fil-bidu tax-xahar mit-Taqsima għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU). Però l-protest ġudizzjarju jikkonċerna l-azzjonijiet tal-MFSA, li skont il-kumpanija mhux qed tħalliha tipproċessa pagamenti mill-klijenti tagħha.

Fil-protest, Insignia osservat li ġiet ikkuntattata mill-MFSA fil-15 ta’ Diċembru dwar dokumenti li jikkonċernaw ftehim kummerċjali li laħqet ma’ Insignia Global Solutions (IGS), u li dawn ġew pprovduti kollha 3 jiem wara għajr l-opinjoni legali minn ditta legali Maltija. Il-kumpanija insistiet li għalkemm ippruvat tikseb din l-opinjoni legal, dan ma kienx possibli fi żmien daqstant qasir fi żmien il-Milied.

Il-kumpanija ilmentat li minkejja l-isforzi tagħha, l-MFSA ordnata twaqqaf l-ipproċessar tal-pagamenti kollha li kien qed isir min-naħa tal-IGS, li hi bbażata f’Hong Kong. Peress li dawn il-pagamenti kienu neċessarji biex jitħallsu numru ta’ fornituri ta’ servizz – inklużi VISA – Insignia insistiet li l-azzjoni tal-MFSA se twassal għal telf finanzjarju kbir.

Insignia insistiet li l-MFSA kellha taġixxi ta’ regolatur, u mhux tagħmel il-bsaten fir-roti.

B’hekk qalet li l-awtorità kellha twaqqaf l-aġir “illegali u abbużiv tagħha,” u insistiet li se żżommha responsabbli għad-danni li l-azzjonijiet tagħha se jikkawżaw.