Sant Iermu minn maħżen tal-Karnival għal Spa?

Il-konsorzju Sohum Wellness ta’ Dubaj issottometta l-interess tiegħu fis-sejħa għar-restawr, ir-rijabilitazzjoni, id-disinn u l-operat tal-parti t’isfel tal-Forti Sant Iermu.
F’Ottubru li għadda kienet ippublikata Request for Proposal għall-iżvilupp tal-parti t’isfel tal-Forti li għandha storja kbira u tmur lura sa żmien il-Kavallieri u li dan l-aħħar kienet qed tintuża mid-dilettanti tal-Karnival bħala mħażen għall-karrijiet.
F’din il-parti kien inħadem il-film The Midnight Express.
Is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, iffinalizzat proġett estensiv li kien jinkludi r-rijabilitazzjoni u t-tisbiħ tan-naħa ta’ fuq ta’ Forti Sant Iermu.
Dan il-proġett kien sewa €15-il miljun ewro, parti minnhom iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Fil-ġimghat li ġejjin, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir se tevalwa fid-dettal l-offerta ta’ Sohum Wellness.