Kumpanija Maltija tiftaħ kawżi kontra l-midja tal-Istati Uniti biex ma tiżvelax kuntratti

Kumpanija Malta qed tfittex għadd ta’ entitajiet bil-Qorti f’attentat biex ma tiżvelax dettalji finanzjarji ta’ ftehim li għandha mal-aġenzija tal-lotterija tal-istat ta’ Oregon fl-Istati Uniti.

Skont rapport fil-midja, il-kumpanija SBTech Malta Limited fetħet kawżi kontra l-midja, id-Dipartiment tal-Ġustizzja, u r-regolatur tal-lotterija tal-istat. SBTech hija reġistrata mal-Awtorità Maltija tal-Gaming (MGA). SBTech tħaddem l-operat tal-logħob tal-ażżard fuq l-isport għall-lotterija tal-istat ta’ Oregon.

Skont il-Legal Sports Report, f’April tal-2019 il-lotterija indikat li SBTech kienet se tirċievi bejn 9-11% tad-dħul tagħha mill-logħob tal-ażżard fuq l-isport.

SBTech qed tisħaq li ma tistax tiżvela l-kuntratt għaliex fih sigrieti tan-negozju. Il-midja tal-post qed tgħid li skont il-liġi kull persuna għandha dritt tispezzjona kull rekordju pubbliku.

SBTech ġiet ordnata mill-Avukat Ġenerali tal-post biex tiżvela l-kuntratt li ngħatat. Wara, l-istess kumpanija fetħet kawża kontra l-Avukat Ġenerali biex dan ma jsirx.

Il-ġurnalist Eric Ramsey qal li mhux l-ewwel darba li ġab informazzjoni bħal din minn stati oħra.

“Qatt ma rajt xi ħaġa bħal din,” qal Ramsey. “Xegħlet bozoz ħomor. M’għandux ikun daqshekk diffiċli biex wieħed ikun jaf fejn sejrin dawn id-dollari.”

Is-sena l-oħra ġie rrappurtat li l-istat ta’ Oregon kien mistenni jħallas aktar minn €24 miljun lill-SBTech.