Kumpanija Maltija tal-films tiffirma ftehim għal 7 produzzjonijiet

Il-kumpanija Maltija U-Film iffirmat ftehim ma’ Tayrona Entertainment Studios biex toffri s-servizzi tagħha f'seba’ produzzjonijiet.
Dawn il-produzzjonijiet mistennija jibdew lejn tmiem din is-sena u jibqgħu sejrin sal-2017.
Dan il-ftehim jinkludi l-bini ta' numru ta' soundstages li se jkunu qed jiġu mibnija minn U-Group.
Dawn il-produzzjonijiet se jgawdu wkoll minn investiment finanzjarju matul numru ta' snin u l-ħolqien ta' numru ta' impjiegi marbuta mal-industrija tal-films.
Tayrona provdiet għajnuna fil-qasam tal-finanzjament u produzzjoni ta' films ta' kwalità għolja f'Hollywood u għal festivals internazzjonali taċ-ċinema u għat-televiżjoni għal dawn l-aħħar 30 sena.
Fost dawn hemm  films bħal 'The Mission', b'Robert de Niro u Jeremy Irons fil-partijiet prinċipali, 'Cobra Verde', b'direzzjoni ta' Werner Herzog, 'Chronicle of a Foretold Death', b'direzzjoni ta' Francesco Rossi, 'Nostromo' b'Albert Finney u Colin Firth bħala l-atturi prinċipali, 'Proof of Life', b'Russell Crowe u Meg Ryan bħala protagonisti ewlenin, 'The Dancer Upstairs', b'direzzjoni ta' John Malkovich, 'Reversal of Love' b'distribuzzjoni tal-MGM, 'Zorro, The Series' flimkien mal-kumpanija Sony u s-serje popolari u rebbieħa ta' bosta premijiet 'Quo Vadis' fost l-oħrajn.