Kumpanija Maltija tal-AI protagonista fil-futur tal-kura tas-saħħa fir-Renju Unit

Il-kumpanija Maltija EBO.ai, speċjalista fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, issieħbet mal-kumpanija Ingliża Servelec, kumpanija tal-informatika fil-qasam tas-saħħa, bħala AI Partners esklussivi biex flimkien, iwasslu servizzi innovattivi ta’ patient self-management lil eluf ta’ pazjenti fl-NHS ta’ l-Ingilterra.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Servelec se tintegra t-teknoloġija ta’ EBO.ai Rio Virtual Assistant fis-sistema elettronika ta’ rekords tal-pazjenti biex b’hekk, il-pazjenti ta’ l-NHS ikollhom aċċess għall-appuntamenti tagħhom fl-isptar, ikunu jistgħu jbiddlu jew jikkanċellaw l-appuntamenti tagħhom f’ħin reali u dan kollu, x’ħin u meta jridu u b’liema device jippreferu.

Din it-teknoloġija innovattiva inizzjalment iddaħħlet fl-East London NHS Foundation Trust u fis-Somerset NHS Foundation Trust li joperaw għadd ta’ sptarijiet u siti ‘inpatient’ u li bejniethom, jimpjegaw madwar 20,000 professjonist u impjegati oħra.

“Ir-Rio Virtual Assistant jaqbel perfettament mal-pjan ta’ ħames snin li l-NHS fassal biex id-data, l-informazzjoni u t-teknoloġija jkunu l-qalba ta’ l-istrateġija sabiex ir-Renju Unit ikun mexxej globali fl-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjonijniet ta’ kura awtonoma. Is-sħubija tagħna ma’ Servelec tfisser ukoll ħafna għalina għaliex hawnhekk qed nitkellmu fuq kumpanija internazzjonali rinomata li qed tissieħeb ma’ kumpanija Maltija biex flimkien, inservu lill-NHS u lir-Renju Unit aħjar. Effettivament, din hija soluzzjoni ta’ Intelliġenza Artifiċjali li se tbiddel il-kura tas-saħħa fir-Renju Unit,” qal Dr Gege Gatt, CEO ta’ EBO.ai.

Dr Gege Gatt

EBO.ai hija meqjusa bħal pijunier fil-ħolqien ta’ pjattaformi li jawtomatizzaw il-komunikazzjoni bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-pazjenti b’mod li tittaffa l-isfida ta’ komunikazzjoni f’kuntest daqshekk kumplikat. Servelec tuża software biex twassal kura integrata aħjar billi tipprovdi soluzzjonijiet għall-interoperabbiltà bejn is-saħħa, il-kura soċjali, l-edukazzjoni u s-servizzi taż-żgħażagħ, li jgħaqqad lill-fornituri maċ-ċittadini permezz ta’ komunikazzjoni aħjar.

“Dan l-iżvilupp huwa wkoll pass importanti ħafna fil-mixja ta’ EBO.ai biex issir kumpanija internazzjonali. Madwar id-dinja kollha, il-kura tas-saħħa għaddejja minn trasformazzjoni radikali hekk kif ħafna istituzzjonijiet qed ifittxu li jsiru ‘smart hospitals‘. Din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ sptarijiet hija bbażata fuq teknoloġiji li jsaħħu l-esperjenza tal-pazjent filwaqt li jtejjbu l-kost-effiċjenza u l-andament ta’ l-infrastrutturi li jipprovdu s-saħħa. Kburin li flimkien ma’ Servelec, ingħatajna dan il-privileġġ li jkollna rwol attiv fit-tiswir tal-kura tas-saħħa tal-futur.”

“L-‘Assistent Virtwali’ tagħna kapaċi wkoll iwassal informazzjoni intelliġenti dwar il-pazjenti tant li qed nittamaw li s-sistemi tagħna għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi ta’ sptarijiet sa 80% f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-appuntamenti tal-pazjenti,” żied jgħid Gatt.

L-ispejjeż amministrattivi ta’ sptarijiet qed jiżdiedu b’rata għolja u eżorbitanti ħafna.

Artiklu ppubblikat min-New York Times irraporta kif fl-Istati Uniti, ftit iżjed minn 25% ta’ dak li jintefaq fuq l-isptarijiet, imur għall-ispejjeż amministrattivi. Sptarijiet fl-Olanda irreġistraw it-tieni l-ogħla spiża amministrattiva ta’ kważi 20% ta’ l-infieq kollu fuq sptarijiet. Fir-Renju Unit, l-ispejjeż amministrattivi ta’ l-isptarijiet skond stħarriġ li kien sar fl-2014 diġa kien laħaq il-15.5% ta’ dak li llum sar budget ta’ £140 biljun.

L-Assistent Virtwali Rio ta’ EBO.ai mhux biss iwassal esperjenza ta’ kwalità lill-pazjenti, iżda jgħin ukoll l-isptarijiet jiffrankaw ħin u flus li ssoltu jintużaw fuq aspetti t’amministrazzjoni ineffiċjenti. Għalhekk, meta l-pazjenti jkunu jistgħu jaċċessaw l-appuntamenti tagħhom x’ħin u meta jridu biex jibdlu, jikkonfermaw jew iħassru appuntament, dan jevita ħafna kumplikazzjonijiet u b’hekk tkun qed tissolva waħda mill-ikbar problemi fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

Fir-Renju Unit, l-appuntamenti li jitħassru qed jiswew lill-NHS £216 miljun fis-sena. Eżerċizzju ta’ riċerka kwantitattiva li sar minn YouGov.co.uk fl-2019 wera’ kif 85% tal-pazjenti li mmissjaw iż-żjara tagħhom l-isptar kienu jattendu li kieku waslitilhom imqar notifika awtomatiżżata. L-użu ta’ l-Intelliġenza Artifiċjali sabiex jinbeda djalogu mal-pazjent jista’ jsarraf f’esperjenza iżjed personali u effettiva.

“Hija sitwazzjoni li minnha jista’ jgawdi kulħadd. L-impjegati ta’ l-NHS ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-pazjenti, minn fejn iridu, il-pazjenti jkollhom meżż iżjed faċli kif jamministraw l-attività tagħhom ta’ l-isptar, l-isptarijiet ikollhom inqas xogħol amministrattiv x’jieħdu ħsieb, u l-gvern ikollu inqas telf ta’ fondi minħabba prattiċi ineffiċjenti,” temm jgħid Gatt.

Kontenut imwassal minn EBO.ai