Kumpanija Maltija investigata dwar ħasil ta’ flus minn qrabat il-President tal-Venezwela

L-awtorità tas-servizzi finanzjarji, l-MFSA, qed tikkollabora mal-FIAU biex jinvestigaw il-kumpaniji Maltin implikati f’ ħasil ta’ flus li saru minn qrabat il-President tal-Venezwela Nicolas Maduro.

The Malta Independent on Sunday li żvelat l-istorja l-Ħadd li għadda, kitbet li l-awtorità regolatorja qalet mal-gazzetta li l-każ qed jittieħed b’serjetà kbira u l-investigazzjoni qed titmexxa b’kollaborazzjoni mal-FIAU kif ukoll ma’ aġenziji oħra ta’ infurzar kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

The Times of Malta stqarret li kumpanija Maltija li allegatament intużat mill-President Maduro biex tmexxi miljuni ta’ ewro minn fond tal-Istat għal Malta ilha tkun investigata numru ta’ xhur mill-FIAU.

Skont protest kriminali li ressaq mid-Dipartiment tal-Homeland Security Investigations f’Miami, miljuni kbar ta’ ewro li nsterqu mill-kumpanija taż-żejt tal-Venezwela Petroleos de Venezuela f’operazzjoni kumplessa ta’ ħasil ta’ flus.

Il-fondi ġew trasferiti fi skemi ta’ ħasil ta’ flus ta’ ftit inqas minn biljun ewro bejn l-2014 u l-2015.

Malta Today żvelat li l-kumpanija hija kumpanija Maltija tal-wealth management  li ġġib l-isem ta’ Portmann Capital Managament Limited. Ikkuntattjat mill-gazzetta, kelliem għall-kumpanija qal li huma mhumiex konxji li l-Portmann hija l-kumpanija in kwistjoni.

L-investigazzjoni Amerikana li damet ‘il fuq minn sentejn bħal parti mill-operazzjoni msejħa ‘Money Flight’, li kkonkludiet li fl-2015 Amparan użaw kumpanija Maltija biex jittrasferixxu ftit aktar minn €500 miljun mill-kumpanija taż-żejt tal-Venezwela lil diversi uffiċjali li kienu jaħdmu mal-istess kumpanija.