Kumpanija Kanadiża bil-ħsieb li tiftaħ ċentru tal-kannabis f’Malta

Il-kumpanija Kanadiża Nuuvera xtrat il-laboratorju Malti ASG Pharma biex tiftaħ ċentru tal-kannabis mediċinali f’Malta.
Fi stqarrija, Nuuvera qalet li ASG pharma, waħda mill-ftit laboratorji GMP (good manufacturing practice) f’Malta mistennija tkun waħda miċ-ċentri tal-Nuuvera għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Lorne Abony qal li huwa ċar li Malta u l-Unjoni Ewropea jixtiequ jagħtu prijorità lill-protezzjoni tal-konsumaturi. Qal li dan l-approċċ jappartjeni mal-viżjoni tal-kumpanija biex Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti farmaċewtiki tal-kannabis.
Il-kumpanija Nuuvera tiddeskrivi lilha nnifisha bħala kumpanija globali tal-kannabis li taħdem mal-imsieħba tagħha li huma bbażati fil-Ġermanja, fl-Iżrael, u fl-Italja.