Kumpanija Indjana b’investiment ikbar f’Malta

Ritratt: Clodagh Farrugia O'Neill

Waqt żjara ġewwa l-Indja, il-Prim Ministru, ħabbar li l-kumpanija Indjana farmaċewtika, li topera minn Malta, Aurobindo se tibqa’ tinvesti u tikber fir-riċerka.

Waqt is-summit Vibrant Gurajat, il-Prim Ministru qal li b’kollox ġew investiti €3 miljun, li se jintużaw fuq riċerka fil-qasam ta’ l-onkoġija. Qal ukoll illi s-sħubija bejn Malta u l-Indja fil-qasam tal-farmaċewtika teżisti minħabba l-fatt illi l-Awtorità Maltija tal-Mediċini, toħloq superviżjonijiet f’Gurajat sabiex ikun jista’ joħroġ iċ-ċertifikat ta’ marka ta’ kwalità.

Dr Muscat qal li Malta hija gżira ideali sabiex bniedem ikun jista’ jkollu aċċess għal swieqi oħrajn bħal dawk Ewropej. Qal ukoll kif Malta hija favur in-negozju minħabba diversi raġunijiet, speċjalment minħabba l-fatt li tingħata attenzjoni speċjali lil kull min jixtieq jinvesti f’Malta u anke minħabba l-lingwa.

Saħaq ukoll li Malta tista’ tkun il-post ideali għall-kumpaniji Indjani li jaħdmu mir-Renju Unit. “Malta se tibqa’ dejjem taħdem sabiex jibqa’ jkun hemm sostenn tal-ekonomija billi jkun hemm aktar diversifikazzjoni u allura aktar opportunitajiet”, qal Dr Muscat.