​“Kumpanija ġgant fl-assigurazzjoni għal Malta” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern Malti kellu kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi oħra Ewropej, biex dik li sejjaħ ‘kumpanija ġgant fid-dinja tal-assigurazzjoni’ tiġi f’Malta.
Waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru stqarr li Malta rnexxielha tikkonvinċi lil Starr biex taħdem f’Malta wara Brexit. Semma kif iltaqa’ ma’ din il-kumpanija f’Novembru li għadda.
Starr Companies, diġà ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). L-istorja tal-kumpanija tmur lura għall-1919, meta Cornelius Vander Starr waqqaf aġenzija tal-assigurazzjoni f’Shanghai fiċ-Ċina.  Starr waqqfet Starr International f’Settembru 1943 fil-Panama.
Joseph Muscat ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jasal ma’ kumpaniji oħra, filwaqt li fl-istess ħin titwaqqaf it-task force ta’ Brexit.
"Pipeline ma' Sqallija: fl-2019 toħroġ l-offerta"
Tkellem ukoll dwar il-qalba għall-powerstation tal-gass. Saħaq li dak kien l-ewwel pass u issa jmiss il-pipeline ma’ Sqallija. Dr Muscat spjega li wara li l-Gvern issottometta l-applikazzjoni, fl-2019 se tkun qed toħroġ l-offerta.
Żied jgħid li dan il-proġett għandu valur ta’ €300 miljun u li diġà beda x-xogħol minħabba l-fondi.
“Xogħlijiet fit-toroq, minbarra l-pjan ta’ 7 snin”
Dwar l-infrastruttura, il-Mexxej Laburista semma kif din il-ġimgħa kien hemm min diġà għadda minn fuq il-flyover tal-Kappara.
Aċċenna għal fatt li se jibdew xogħlijiet f’diversi toroq u dan minkejja li għadu ma bediex il-pjan ta’ 7 snin li jibda hekk kif l-aġenzija tkun f’postha. 
Joseph Muscat tenna li l-ħidma tal-Gvern ma battiet xejn u li qed issir ħidma bla heda biex il-pajjiż ikun lest għall-futur.