Kumpanija Ċiniża se tinvesti fl-Enemalta

Il-Gvern Malti u l-Gvern Ċiniż iffirmaw ‘memorandum of understanding’ fejn il-kumpanija Shangai Electric, li hija propjeta’ tal-Gvern Ċiniż u sussidjarja taċ-China Power Investments se tinvesti fil-Korporazzjoni Enemalta.

Dan il-ftehim ġie iffirmat mill-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi u mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ċiniża Lu Qizhou, fil-preżenza tal-Prim Ministru Malti Dr. Joseph Muscat u l-Prim Ministru Ċiniż.  

L-investiment Ċiniż fl-Enemalta se jsir fuq medda ta’ 6 xhur, bil-Gvern Malti se jżomm il-maġġoranza tal-ishma fil-Korporazzjoni.

Id-dettalji kollha tal-ftehim ma ġewx ippubblikati, iżda jirriżulta l-Gvern Ċiniż lesti li jinvesti wkoll f’ċentru li joffri servizzi għall-enerġija rinovabbli.

Se tkun esplorata wkoll il-possibilità li jiġu mgħaqqda l-pannelli fotovoltajiċi f'pajjiżna, kif ukoll bi sħab f'pajjiżi oħra.

Il-Gvern stqarr li dan huwa pass ‘il quddiem biex l-Enemalta terġa’ tqum fuq saqajha.

Dan huwa it-tieni ftehim li jikkonċerna l-enerġija li ġie ffirmat mill-Gvern Malti f’dawn l-aħħar jiem wara l-‘memorandum of understanding’ iffirmat mal-Libja għax-xiri taż-żejt. 

Aktar tard, f'laqgħa bejn il-Prim Ministru Malti u dak Ċiniż ġew diskussi r-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea u l-Presidenza ta' Malta fl-2017. Ġie diskuss ukoll is-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li se jsir f’Settembru 2014 fl-Italja.

Ritratti: DOI – Reuben Piscopo