Kumpanija Amerikana tiżvela diversi fatti fuq dawk li jużaw Facebook

L-istudju kien ibbażat fuq aktar minn 7,400 persuna li jużaw iPhone jew Android fl-Istati Uniti u li għandhom bejn 18 u 44 sena. Dan irrappreżenta 50% tal-popolazzjoni li tuża smartphone.

Mill-istudju ħareġ li 62% qas tilħaq tgħaddi kwarta minn x’ħin iqumu li ma jiċċekkjawx il-mobile tagħhom. Dan il-persentaġġ jogħla għal 74% għal dawk li l-età tagħhom hi bejn it-18 u l-24 sena.

L-istudju wera wkoll li Facebook huwa t-tielet l-iktar applikazzjoni li tintuża wara l-email u l-internet. Madanakollu, 70% li għandhom smartphone jużaw Facebook frekwentament, b’iżjed minn nofshom jiċċekjawh kuljum.

L-iżjed ħin li Facebook jiġi aċċessat huwa filgħaxija, qabel l-irqad. Instab li matul il-ġurnata, hemm min jidħol Facebook madwar 14-il darba, għal madwar 2 minuti u 22 sekonda kull darba. Il-medja tal-ammont ta’ ħin li jqattgħu fuq Facebook ta’ kuljum huwa ta’ nofs siegħa, u dan minn fuq il-mobile biss.

U fejn wieħed ikun meta jiċċekja l-Facebook? 46% jiċċekjaw Facebook meta jkunu qed jixtru jew jagħmlu l-qadi u 48% waqt li jkunu qed jagħmlu l-eżerċizzju fil-gym. 47% jiċċekkjawh waqt it-tisjir, b’50% jiċċekkjaw Facebook waqt li jkunu fiċ-ċinema.

Il-medja ta’ nofs siegħa li jqattgħu fuq Facebook huwa mqassam b’50% jqallbu l-istejjer riċenti u l-kumplament huwa mqassam indaqs bejn jibagħtu l-messaġġi u jtellgħu l-updates.