Kummissjoni Venezja: Repubblika bi protest ġudizzjarju kontra Zammit Lewis

European Union

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, għaliex qalet li minkejja l-pariri tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern jidher li jrid ikompli għaddej bir-riformi fis-sistema ġudizzjarja mingħajr ma jinvolvi lis-soċjetà ċivili jew lill-midja indipendenti.

B’reazzjoni għal dan il-protest ġudizzjarju, il-Gvern ħareġ stqarrija li tgħid li ħadd u xejn mhu se jwaqqaf lill-Gvern milli jressaq il-proposti quddiem il-Kummissjoni Venezja.

Repubblika qalet li l-ġimgħa li għaddiet il-membri tagħha ltaqgħu mal-Ministru u talbuh kopja tal-emendi proposti sabiex jiddiskutuhom. It-talba saret ukoll f’korrispondenza lill-Ministru, lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja jgħid illi saret komunikazzjoni ma’ Repubblika fis-7 t’April, u mbagħad fil-11 t’April.

Fil-protest ġudizzjarju, l-NGO qalet li hija nżammet fid-dlam dwar x’jinvolvu dawn il-protesti. Hija ġiet infurmata li tista’ tara l-proposti ladarba jkunu ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja. Skont Repubblika, dan ikun tard wisq għaliha u għas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fid-dibattitu fuq ir-riformi neċessarji. L-NGO temmen li hu ta’ riskju jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni jipproċedu bl-emendi mingħajr ma jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili.

L-għaqda mill-ġdid talbet lill-Ministru jgħaddilha kopja tal-emendi proposti qabel jintbagħtu lill-Kummissjoni Venezja sabiex tkun garantita t-trasparenza.

Il-Gvern stqarr illi, “L-istampa ħielsa u l-partijiet kollha interessati f’dan il-proċess se jibqa’ jkollhom l-opportunità li fil-mument opportun jagħmlu skrutinju tal-proċess kollu, għaliex dan il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi. Dan, iżda, bl-ebda mod ma jfisser li l-Gvern għandu jżomm lura milli jressaq proposti quddiem il-Kummissjoni ta’ Venezja sempliċiment għax tkun għadha ma rathomx l-għaqda Repubblika, kif tippretendi li għandha dritt li tagħmel. Il-Ministru Zammit Lewis se jwieġeb għal dan il-protest ġudizzjarju skont il-liġi.”

Il-protest ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukatessa Dr Eve Borg Costanzi, li qed tidher għal Repubblika.