​Kummissjoni tal-Knisja tħeġġeġ iktar attenzjoni lill-intrapriżi ż-żgħar

Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol ħeġġet il-ħarsien tal-valuri li jduru madwar il-bniedem, iktar milli l-qliegħ finanzjarju.
Filwaqt li fakkret f’dikjarazzjonijiet tal-Papa Franġisku u tal-Arċisqof Pawl Cremona fl-aħħar snin, dwar l-importanza tal-bniedem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekonomija, il-Kummissjoni ħeġġet biex tingħata iktar attenzjoni lill-intrapriżi żgħar f’Malta, “li qed joffru prodotti u servizzi tal-livell tal-kumpaniji l-kbar”.
Uriet qbil mal-Gvern fil-proposti tal-Baġit tas-sena d-dieħla, li l-kumpaniji żgħar jiġu megħjuna jkunu iktar kompetittivi, u li jitħarsu elementi bħall-enerġija, it-trasport u l-pagi.
Il-Kummissjoni apprezzat kliem l-Arċisqof fil-festa tal-Vitorja favur l-intrapriżi żgħar. L-Arċisqof, dakinhar, wissa biex l-inizjattiva tagħhom ma tiġix maħnuqa mill-ġganti tat-tkabbir ekonomiku, għax tbati l-ekonomija Maltija kollha kemm hi.
Saħqet, bħall-Arċisqof, li jekk dawn ma jiġux megħjuna, anke l-ħaddiem Malti jbati.
Qalet li jekk id-deċiżjonijiet li jittieħdu, iħarsu biss lejn il-profitti, ibatu intrapriżi lokali u tradizzjonali.
Insistiet li l-imprendituri ż-żgħar jiġu mismugħa u s-suġġerimenti tagħhom jiltaqgħu.