Kummissjoni tal-Knisja b’ittra lill-KE u l-PE dwar fondi Ewropej

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li għandha ssir konsultazzjoni pubblika fil-Cost-Benefit Analysis (CBA) li ssir għal applikazzjoni ta’ ċertu fondi Ewropej. Il-KA qalet dan f’ittra li bagħtet lill-President tal-Kummissjoni Ewropea (KE) Jean-Claude Juncker u lill-President tal-Parlament Ewropew (PE) Antonio Tajani fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ippjanar Urban.

Il-KA qalet li qed tieħu din l-inizjattiva “minħabba li l-Unjoni Ewropea hija magħmula minn komunitajiet ta’ nies li jgħixu f’oqsma urbani u rurali fl‑istati membri.” Il-KA kkowtat dokument tal-KE li jgħid li CBA hija għodda analitika biex jiġu studjati deċiżjonijiet ta’ investiment biex jiġi analiżżat il-benefiċċju ta’ intervent partikolari minflok alternattivi oħra.

“Il‑KA hija mħassba li, sa issa, il‑gwida tas‑CBA jew ir‑rekwiżiti ta’ proviżjoni ta’ fondi għal proġetti li jkunu jeħtieġu CBA, ma jitolbux li ssir konsultazzjoni pubblika mandatorja fuq l‑alternattivi li jkunu jridu jiġu studjati fil‑bidu nett tal‑proċess tas‑CBA. Dawn l‑alternattivi jiġu maġħżula minn min qed jipproponi l‑proġett, li spiss ikunu gvernijiet lokali jew nazzjonali. Barra minn dan, m’hemm l‑ebda rekwiżit li s‑CBA għandu jkun pubblikat sħiħ għall‑iskrutinju pubbliku.”

Il-KA talbet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex

  • tibda ssir konsultazzjoni pubblika
  • il-lista ta’ alternattivi sottomessi mill-pubbliku tiġi mehmuża fir-rapport tas-CBA
  • Ġustifikazzjoni finanzjarja, ekonomika, soċjali, u ambjentali għalfejn l-alternattivi jiġu mwarrba
  • Ir-rapport tas-CBA ikun kompletament aċċessibbli għall-pubbliku

Il-KA temmen li l-komunitajiet għandhom isemmgħu leħinhom fi stadju bikri fil-proċess ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċertu proġetti. Il-Kummissjoni qalet li l-proposti tagħha m’għandhomx jitqiesu bħala ostaklu burokratiku. Skont il-KA, “l‑argument favur li titneħħa l‑burokrazija jista’ joriġina minn min jippreferi operaturi ekonomiċi f’ċerti setturi minflok f’oħra, u ma jpoġġix it‑trasparenza u l‑ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd bħala priorità fit‑tfassil tal‑politika.”

L-ittra li ġiet iffirmata miċ-Ċerpersin tal-KA, Mario Camenzuli, intbagħtet ukoll lill-MEPs Maltin.

Aqra l-ittra sħiħa minn hawn.