Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni: “Il-PN mhux Oppożizzjoni proattiva” – il-PD

Il-Partit Demokratiku qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri kemm hu, fi kliemu, Oppożizzjoni mhux proattiva, meta rrefera għall-fatt li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni għadha qed tistenna li l-PN jibgħatilha rappreżentant.
Illum it-Times of Malta rrappurtat li xahrejn u nofs ilu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, ikkuntattja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, biex jinnomina membru f’dil-kummissjoni.
Ir-rapport ikompli jgħid li l-kummissjoni ma setgħet tagħmel ebda investigazzjoni fl-aħħar sitt xhur minħabba l-istennija biex jiġu nnominati żewġ persuni oħra.
Dawn il-persuni kellhom jieħdu post Yana Micallef Stafrace, li kellha tirriżenja meta saret maġistrat, u l-eks-Maġistrat Joe Cassar, li ħalla din id-dinja.
Il-Gvern kien innomina persuna flok Micallef Stafrace f’April li għadda, iżda għadu sal-lum jistenna lill-Oppożizzjoni biex tinnomina persuna flok Joe Cassar.
Skont it-Times, kelliem għall-PN qal li l-partit għadu qed jistenna tweġiba pożittiva mingħand dan l-innominat.
Għal dan il-PD llum qal li lest joffri l-enerġija tiegħu biex jagħmel dak li l-PN m’għamilx, u jingħaqad mal-kummissjoni biex, fi kliemu, tibda tiffunzjona mill-ġdid.
Il-Partit tal-Oranġjo temm ifakkar ukoll li l-PN wera attitudni simili meta ma bagħatx rappreżentant fil-Kumitat għall-Immaniġġjar tal-Iskart.