Kummissjoni bl-għan li twassal il-Knisja għand in-nies

Il-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenza Episkopali Maltija, imwaqqfa mill-Arċisqof Charles Scicluna, tixtieq tintroduċi ruħha lill-Insara ta’ Malta u Għawdex, u lil kull bniedem ta’ rieda tajba, bħala dik il-kummissjoni li għandha l-għan li twassal il-Knisja għandhom.

L-Arċisqof waqqaf din il-kummissjoni f’Ottubru li għadda, waqt il-Konferenza Episkopali. Huwa ħatar lil Rev. Prof. Hector Scerri bħala President għat-3 snin li ġejjin, u l-bqija tal-membri huma Rev. Prof. Joe Agius, Rev. Christopher Caruana, Dr Nadia Delicata, Rev. Dr Jonathan Farrugia, Rev. Dr Richard‑Nazzareno Farrugia u Dr Edward Warrington.

Il-Kummissjoni tikkollabora ma’ istituzzjonijiet akkademiċi lokali u barranin, u ma’ esperti oħra. Hija tgħin lill-Isqfijiet sabiex ixerrdu l-Bxara t-Tajba. Il-Kummissjoni Dottrinali tagħti sehemha biex, fi kliem il-Papa Franġisku, il-Knisja f’Malta u Għawdex tkun “Knisja li ‘toħroġ’” jiġifieri Knisja magħmula minn komunità ta’ nies li jieħdu inizjattiva u jinvolvu ruħhom, u jgħixu verament l-ispirtu ta’ komunità. 

Bi kliemha u ħidmietha, il-Kummissjoni Dottrinali tixtieq tgħin lill-komunità Nisranija tesperjenza l-ġmiel, il-ferħ u l-qawwa feddejja tal-Mulej Irxoxt fil-mixja tagħha lejn il-milja tal-ħajja.