Kummissjoni biex iġġedded it-tagħlim tal-katekiżmu għat-tfal Għawdxin

Id-Djoċesi ta’ Għawdex waqqfet kummissjoni bil-għan li tistudja u ġġedded il-tagħlim tal-katekiżmu fost it-tfal.
F’ċirkolari, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-Papa Franġisku, f’diversi interventi, stieden lill-Knisja biex “tiskopri l-ġmiel u l-ħeġġa tal-ewwel tħabbira.”
Il-Papa jtenni dan mill-ġdid fl-Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Evanġelju,” fejn il-Papa jistieden lill-Knisja tkun missjunarja u toħroġ tevanġelizza.
L-Isqof ta’ Għawdex spjega li mod ewlieni, imma mhux uniku, ta’ kif iseħħ dak li jixtieq il-Papa Franġisku, hu permezz tal-katekeżi liċ-ċkejknin.
Il-Kummissjoni speċjali se tkun immexxija minn Dun Simon M. Cachia, Delegat għall-katekeżi maċ-ċkejknin.
L-għan tal-Kummissjoni huwa li tiġbor tagħrif dwar is-sitwazzjoni ta’ bħalissa ta’ kif qed issir il-katekeżi tat-tfal, li jiġu individwati punti pożittivi u oħrajn inqas tal-esperjenzi katekistiċi fil-parroċċi u ċ-ċentri tad-duttrina u tindika wkoll proposti ta’ tiġdid għal katekeżi.
L-istess Kummissjoni se tkun qed tiġbor għajnuna esterna ta’ operaturi u professjonisti oħra u se tippreżenta rapport sal-aħħar tas-sena.
Il-membri l-oħra tal-Kummissjoni huma Dun Michael Said, Dun Michael Curmi, Brian Sultana, Josette Buttigieg, Mary Ann Mercieca, Ivan Farrugia  u Pauline Grech.