Kummissarju għal 4 snin kontra l-ispirtu tal-Kummissjoni Venezja – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija jservi għal perjodu ta’ erba’ snin tmur kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Fi stqarrija ffirmata mid-deputati tal-PN Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina, il-PN qal li din l-aħbar hija konferma ta’ kemm il-Prim Ministru Robert Abela jrid jibqa’ jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija hu u jikkontrollah bl-aktar mod assolut matul iż-żmien li jdum fil-kariga.

Il-PN spjega li ss-sejħa pubblika tipprovdi wkoll li dan il-perijodu ta’ erba’ snin jista’ jiġi mġedded. Spjega li l-istess sejħa pubblika tagħmilha ċara wkoll l-ħatra tal-persuna magħżula bħala Kummissarju tal-Pulizija hija suġġetta għal perijodu ta’ prova ta’ sena.

“Din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista tmur kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li l-bażi tagħhom kienet il-liġi kif kienet qabel il-bidliet riċenti u ċioè li l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija tkun għall-perijodu ta’ ħames snin. Imkien fir-rapport tal-Kummissjoni Venezja ma jingħad li l-perijodu ta’ ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija għandu jonqos minn ħames snin għal erba’ snin biss u li l-ewwel sena ta’ dan iż-żmien ta’ erba’ snin għandu jkun perijodu ta’ prova,” qal il-PN.

Il-PN saħaq li huwa essenzjali li l-Korp tal-Pulizija jkun mmexxi minn persuna professjonali, imparzjali u li tħaddan u tħaddem is-saltna tad-dritt bħala l-aqwa għodda għall-protezzjoni taċ-ċittadini.

Fi Frar il-Partit Demokratiku kien talab li jiġi investigat l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Dan wara li ħareġ f’The Sunday Times of Malta li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar iltaqa’ b’mod sigriet ma’ ‘sieħeb’ Melvin Theuma fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.