Uffiċċjali: Peter Paul Zammit huwa l-Kummissarju ġdid tal-Korp tal-Pulizija

Aġġornata: Fi stqarrija, il-Gvern ikkonferma li se jkun hemm tibdil fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u ħabbar li l-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit ġie maħtur bħala l-Kummissarju ġdid tal-Pulizija. 

Zammit, ta’ 52 sena minn Wied il-Għajn, kien fil-Korp tal-Pulizija għal 25 sena sal-2009 u serva bħala Spettur u Supretendent. 

John Rizzo li serva bħala Kummissarju tal-Pulizija għal dawn l-aħħar tnax-il sena se jkun qed iservi bħala Kap tal-Protezzjoni Ċivili. Rizzo se jkun ukoll Konsulent tal-Gvern fuq Sigurtà Interna.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Assistent Kummissarju Michael Cassar ġie appuntat Kap tas-Servizz Sigriet.

Michael Cassar daħal fil-Korp tal-Pulizija fl-1979 u serva bħala Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju b’xogħol fis-CID, fl-iskwadri kontra d-Drogi u Reati Ekonomiċi fost l-oħrajn. Huwa lecturer fl-Akkademja tal-Pulizija u l-European Training College.

Aktar Qabel: Jidher li fil-minuti li ġejjin, il-Gvern se jħabbar Kummissarju ġdid tal-Pulizija. B’hekk John Rizzo mhux se jibqa f’din il-kariga, għalkemm mhux eskluż li jkun offrut kariga oħra.

Jidher li t-tibdil fit-tmexxija tal-korp tal-Pulizija mhux se tieqaf biss mal-Kummissarju għaliex qed jiġi rappurtat li l-assistent Kummissarju Michael Cassar se jkun qed jieħu f’idejh is-Servizzi Sigriet. 

Kelliema għall-Pulizija rrifjutat milli tikkummenta fuq din l-aħbar.