Kummissarju bil-probation pupu f’idejn il-Gvern – Aquilina

Il-Ministru Camilleri jgħid li hu kuntent u sodisfatt bis-sejħa pubblika

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina stqarr li Kummissarju tal-Pulizija bil-probation huwa pupu f’idejn il-Gvern. Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li jinsab kuntent u sodisfatt li nhar il-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-ewwel sejħa pubblika għall-ingaġġ ta’ kummissarju tal-pulizija.

Waqt dibattitu parlamentari t-Tnejn waranofsinhar, Aquilina qal li l-perjodu ta’ probation u kuntratt ta’ erba’ snin ma joħroġ imkien mil-liġi. Saħaq li ħadd ma jista’ jbiddel il-liġi.

Il-Ministru Camilleri qajjem point of order u qal li l-Public Service Commission mhix entità governattiva u li l-Gvern ma jindaħalx fil-operat tagħha. Iżda Aquilina stqarr li kieku l-Ministru ma kienx ferħan bit-termini u l-kundizzjonijiet li qed timponi l-kummissjoni ma kienx iqum u jiftaħar mill-pubblikazzjoni tas-sejħa. Huwa qal li l-għan tal-Gvern hu li jimmanipula l-persuna magħżula u jitpoġġa pupu mmexxi bl-ispag.

Il-Ministru Camilleri qal li l-Prim Ministru Robert Abela kien komdu bil-metodu kif kien jinħatar il-kummissarju iżda ried jagħti messaġġ. Huwa qal li l-korp tal-pulizija f’mumenti ta’ diffikultà qam fuq saqajh u ta tweġiba.

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid se jkollu jagħmel sena probation u jinħatar għal erba’ snin. Huwa qal li minflok il-persuna magħżula titlaq tiġri hekk kif tingħata l-ħatra, mhux se jkollha moħħha mistrieħ għax trid tgħaddi mill-probation. Huwa qal li din il-ħatra tkun tkompli mal-kultura ta’ Hire and Fire tal-Gvern.