Aġġornata: “Kummiedja għall-midja” – Ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-MFSA fuq il-Bank Pilatus

Il-Partit Demokratiku (PD) ikkundanna d-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) talli ordnat li sid il-Bank Pilatus jitneħħa u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet, u fl-istess ħin ħallietu miftuħ mingħajr ma ordnat il-konfiskazzjoni tad-dokumenti kollha tiegħu.
Wara l-arrest ta’ Ali Sadr Hasheminejad, kienu bosta r-reazzjonijiet li diġà ġew ippubblikati. Dawn li ġejjin huma aktar li daħlu lbieraħ, u oħrajn li nistennew li jidħlu fil-ħin li ġej.
“Infakkru li dan ħarab bil-bagalji f’nofs ta’ lejl” – PD
Il-Partit tal-Oranġjo fakkar li Hasheminejad ħarab f’nofs ta’ lejl b’bagalji li qal li kien fihom affarijiet personali, proprju meta l-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia, kitbet li kien hemm relazzjoni bejn il-Bank, il-familja tal-President Ażerbajġani, u l-familja tal-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Qalet li t-titjira li qabad Hasheminejad dakinhar marret minn Malta għal Baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan, imbagħad lejn Dubaj, u ebda awtorità ma investigat dan.
Fakkret ukoll fl-allegazzjonijiet tal-eksuffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris, li wara dan li ġara ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati, u talbet biex jingħata immedjatament il-protezzjoni sħiħa ta’ whistleblower.
Irrimarkat li f’pajjiżi fejn verament hemm is-saltna tad-dritt meta tiġri xi ħaġa hekk il-liċenzja tal-bank titteħidlu, u l-fatt li Hasheminejad se jintbagħat il-ħabs turi li ma jistax imexxi aktar lill-Bank Pilatus.
Targumenta li f’dad-dawl, id-deċiżjoni tal-MFSA li tkeċċi biss lil Hasheminejad hi bla effett.
“Il-mossa tal-MFSA qisha kummiedja tal-midja” – Francis Zammit Dimech
Dwar id-deċiżjoni tal-MFSA, tkellem ukoll l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, li jqisha bħala kummiedja ppreparata tajjeb għall-midja.
Qal li mhuwiex impressjonat bid-deċiżjoni, u li l-MFSA missha ilha li ħadet azzjoni kontra l-Bank Pilatus.
"Ninsabu f'sitwazzjoni ta' omertà, konvenjenza u klijenteliżmu" – Godfrey Farrugia
Tkellem ukoll il-Membrun Parlamentari tal-PD, Godfrey Farrugia, li sostna li l-pajjiż jindab f'sitwazzjoni ta' omertà, konvenjenza u klijenteliżmu.
Dan b'referenza għall-fatt li, skontu, il-Prim Ministru għandu l-fakulta li jappunta hu stess bosta persuni fis-settur pubbliku.
Irrefera għad-diskors ministerjali tal-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, ilbieraħ fil-Parlament, u ddeskrivieh bħala "farsa intiża bix tħalli lil min jibla' l-lixka kuntent". Qal li l-Ministru lanqas biss ikkundanna l-aġir ta' sid il-Bank Pilatus.
L-FPPN iħeġġeġ passi konkreti biex tiġi mħarsa r-reputazzjoni ta' Malta
Irreaġixxa wkoll il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN), li qal li jħoss i l-miżuri inkonkreti mħabbra mill-MFSA fil-konfront tal-bank Pilatus se jkomplu jtappnu isem Malta u r-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji.
L-FPPN temm jgħid li jemmen li s-sospensjoni immedjata u eventwalment r-revoka tal-liċenzji kollha tal-bank Pilatus huma l-aħjar pass u għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet relevanti.