Kummidjant Taljan mistenni jġib aktar voti minn Mario Monti

Fl-Italja, llum kienet it-tieni ġurnata ta’ votazzjoni għall-elezzjoni ġenerali.

Rapporti fil-midja qed jgħidu li għalkemm il-Partit taċ-ċentru xellug mmexxi minn Pier Luigi Bersani jinsab favorit li jirbaħ, mhux ċert jekk jiksibx il-maġġoranza.

Il-Partit tal-ex Prim Ministru Silvio Berlusconi jinsab fit-tieni post.

B’sorpriża, il-partit mwaqqaf mill-kummidjant Beppe Grillo jista jikseb it-tielet l-akbar ammont ta’ voti, saħansitra qabel il-partit tal-Prim Ministru preżenti Mario Monti. Jidher li Grillo, bil-‘Movimento 5 Stelle’ qed jirbaħ il-voti tat-Taljani diżillużi mill-politika.

Madankollu, rapporti oħra juru konklużjonijiet differenti, b’Mario Monti fit-tieni post u Silvio Berlusconi fit-tielet. Dawn jikkonfermaw l-ewwel post ta’ Pier Luigi Bersani.

Sal-Ħadd filgħaxija, dawk li marru jivvutaw kienu jammontaw għall-55% ta’ dawk eleġibbli li jivvutaw. Dan kien 7% inqas mill-elezzjoni tal-2008, għalkemm dan jista jkun minħabba l-maltemp ikraħ li ħakem lil diversi reġjuni.