“Kummenti li jxekklu l-progress għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri” – MCWO

Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa (MCWO) ikkundannat dak li sejħet “kumment sesswali, maqdari u insulenti” tal-ekskandidat Nazzjonalista David Thake fuq il-Membru Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar.
L-MCWO sostniet li r-riċerka turi li l-ammont ta’ abbuż li qed isir fuq in-nisa hu allarmanti, iżda meta jsir fuq membri parlamentari, mela dan ifisser ukoll li qed isir fuq id-demokrazija.
Fis-17 ta’ Frar fuq Facebook, Thake kien ixxerja artiklu li jgħid li Cutajar qalet li hu tal-mistħija li wieħed jibqa’ jitlob ġustizzja għal persuna li firdet poplu u ma kinitx maħmula minn nofsu. Cutajar kienet qed tirreferi għal Daphne Caruana Galizia.
Thake fil-kumment tiegħu qal “Il-qaħba milli jkollha ‘ttik”.
Sadanittant, il-konfederazzjoni qalet li skont l-Unjin Inter-Parlamentari, is-sessiżmu fil-konfront tal-membri parlamentari hu mifrux, b’81.8% tal-MP madwar id-dinja jsofru vjolenza psikoloġika.
Minn dakinhar tal-kumment, Thake reġa’ kiteb fuq Facebook u qal li hu uża qawl Malti, u ma jfissirx li kien qed jgħajjar lil Cutajar “qaħba”. Kiteb li jekk jgħid “Il-ħmar iwaħħal f’denbu” ma jkunx qed ifisser li xi ħadd ħmar”.
Fl-istqarrija tagħha, l-MCWO irrimarkat li kummenti simili huma theddida għad-demokrazija u s-sistema politika, u jxekklu l-progress għall-ugwaljanzi bejn il-ġeneri.