Kummenti dwar id-dehra tagħha wassluha biex tieqaf tiekol

Il-kantanta Taylor Swift ta’ 30 sena f’dokumentarju ta’ Netflix li ntwera l-ewwel darba waqt is-Sundance Film Festival fetħet qalbha dwar it-taqbida li kellha biex tegħleb id-diżordni dwar l-ikel li affettwatilha ħajjitha. Waqt id-dokumentarju Miss Americana hija qalet li kienu r-ritratti u l-kummenti dwar id-dehra tagħha li kkawżawlha l-kundizzjoni biex ma baqgħetx tiekol.

Matul it-tour madwar id-dinja fl-2015 Swift irrakkuntat li tant kienet tħossha ħażin bin-nuqqas ta’ ikel li qabel kull wirja kienet taħseb li dik kellha tkun l-aħħar darba tagħha fuq il-palk inkella li se tmut f’nofsha.

Swift qalet li ssieltet mal-kundizzjoni għal bosta snin. Kienet issibha diffiċli biex tiekol u jekk tiekol kienet tiekol ftit li xejn. Il-kumplament tal-ħin żammet il-lista ta’ dak li setgħet tiekol u għamlet l-eżerċizzji fiżiċi sakemm spiċċat Size 2.

Il-kantanta tiftakar kif meta kellha 18-il sena kienet dehret għall-ewwel darba fuq il-qoxra ta’ magażin u  kien hemm miktub: “Tqila ta’ 18?” Hija spjegat li kienet dehret hekk minħabba l-ilbies li kienet liebsa u mhux għax kienet tidher qisha se jkollha tarbija. Dan kien il-bidu ta’ kollox li wassalha biex tibda tnaqqas mill-ikel.

Illum Swift tgħid li issa li għaddiet minn dan il-perjodu tħares b’mod pożittiv lejn kif tħares lejn ġisimha  u tgħid lilha nfisha: “Aħjar li tidher ħoxna milli tidher marida.”