Kumitati PN: Kemm jappoġġjaw lil Delia? U l-MPs?

Il-parti l-kbira tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ħarġu stqarrija ta’ appoġġ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia, wara li l-ġimgħa l-oħra ngħataw direttiva biex jagħmlu dan.

Mill-banda l-oħra deputati parlamentari Nazzjonalisti ilmentaw bil-kbir li l-Grupp Parlamentari ma tlaqqax minkejja li t-Tnejn jerġa’ jibda l-Parlament.

Kemm favur, kontra jew siekta

Skont stħarriġ ta’ Newsbook.com.mt sa issa 40 kumitat ħarġu stqarrija fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook biex juru appoġġ lejn il-Kap, kumitat wieħed irrifjuta li jagħmel dan u ħdax għadhom ma ħarġux stqarrija. Newsbook jinnota li wħud minn dawn il-kumitati li għadhom ma tkellmux m’għandhomx paġna aġġornata fuq Facebook iżda hemm oħrajn li minkejja li għandhom paġna aġġornata ħafna għad ma hemmx stqarrija favur Delia.

AQRA: Fergħat PN: Nofshom tkellmu favur Delia; nofshom għad iridu jiltaqgħu

Minkejja l-pressjoni li saritilhom, il-membri tal-Kumitat Sezzjonali Tas-Sliema vvutaw kontra mozzjoni favur il-Kap Adrian Delia. Ir-riżultat tal-vot sigriet li ttieħed nhar il-Ġimgħa kien ta’ 10 kontra u tlieta favur.

Kemm kien hemm pressjoni?

Waqt li f’diversi kumitati ma kienx hemm problema biex toħroġ din l-istqarrija, skont sorsi li tkellmu magħna bil-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità, qalu li nies qrib it-tmexxija ċentrali attendew laqgħat tal-kumitati sezzjonali u, f’xi każi, tawhom abbozz dettaljat tal-istqarrija li riedu minn għandhom. Kien hemm min qalilna li ħassu intimidat. L-istess sorsi qalu li kien hemm saħansitra każi fejn dawn id-dikjarazzjonijet ħarġu b’mod ‘unanimu’ iżda kien hemm membri tal-kumitati sezzjonali li ma kinux intalbu jattendu għal-laqgħa, wisq anqas approvaw id-dikjarazzjoni. Newsbook mhux f’pożizzjoni li jgħid jekk dawk li tkellmu miegħu jirrappreżentawx sitwazzjoni mifruxa ħafna jew le.

AQRA: Jinġabru l-firem biex jitlaq Delia; kumitati tal-PN mitlubin jappoġjaw lill-kap

Id-Deputati jistennew laqgħa

Sadanittant il-Kap tal-PN għadu ma sejjaħx laqgħa tal-Grupp Parlamentari minkejja li għada jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tal-Milied.

Deputati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ilmentaw għal dan il-fatt, b’wieħed minnhom saħansitra jistqarr hekk: “Ġrew wara l-iżgħar Kumitati Sezzjonali biex joħorġu stqarrija, ma jiġrux wara d-deputati biex jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari?”

Iżda skont sorsi oħra jidher li Delia qed jippreferi li jiltaqa’ ma’ diversi deputati parlamentari wieħed wieħed.

Deputat favur Delia akkuża  “b’nuqqas ta’ lealta” lid-deputati li jemmnu li Delia għandu jwarrab.

Mill-banda l-oħra deputat kritiku ta’ Delia qalilna li  “l-unika deputati li qed jitgħajru, ixewxu u jivvintaw fil-pubbliku huma dawk li jappoġġjaw lil Delia. Il-PN spiċċa juża l-mezzi tax-xandir u l-istrutturi tiegħu stess biex jisfida u jgħajjar lid-Deputati tiegħu stess. Jekk iridu jiġġieldu jistgħu joqogħdu jiġġieldu waħedhom”.

Delia u Muscat dwar l-inkwiet fil-PN

Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Kap tal-PN Adrian Delia l-Ħadd filgħodu tkellmu dwar l-inkwiet fil-PN.

Il-Prim Ministru Muscat f’Ħaż-Żabbar ħareġ jiddefendi l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fejn qal li grupp fi ħdan il-Partit Nazzjonalista msejħa ‘Powers to Be’ ma jridux jirrispettaw l-għażla popolari li għamel il-poplu Nazzjonalista. Huwa qal li din hija karatteristika ta’ individwi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Id-deċiżjoni fuq l-immigranti kellha l-appoġġ tal-poplu – Muscat

Fl-Isla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kumitati li ddikkjaraw l-appoġġ tagħhom lejh huma l-veru PN. Delia qal li l-kumitati wrew l-appoġġ spontanjament. B’referenza għal rapport li l-kumitat f’Tas-Sliema vvota kontra l-mozzjoni ta’ appoġġ, Delia qal li ma ssemmewx l-aktar minn 90% li vvutaw favur il-mozzjoni.

Il-kumitati li wrewni appoġġ huma l-veru PN – Delia