Kumitat tal-PE se jinvestiga l-bejgħ taċ-ċittadinanza

Il-Konferenza tal-President tal-Parlament Ewropew ivvutat biex issir inkjesta dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evażjoni fiskali filwaqt li tinvestiga programmi ta’ ċittadinanza li jeżistu f’ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea inkluż f’Malta.
Il-Kumitat speċjali se jkun iffurmat minn 45 Membru Parlamentari Ewropew u qed jiġi msejjaħ bħala “Taxe 3”. Mhux eskluż li fih ikun hemm membri Maltin.
Każijiet ewlenin fl-inkjesta li se jkollha mandat ta’ sena se jkunu l-każijiet mikxufa fil-Paradise Papers.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold qal li "l-pressjoni tal-Parlament għall-ġustizzja fiskali fl-Ewropa se tiġi intensifikata".
L-Ewroparlamentari Ġermaniż li pparteċipa wkoll fil-kumitat Pana spjega li l-Parlament qed "jinvestiga għall-ewwel darba privileġġi tat-taxxa għal residenti ġodda minn programmi ta' ċittadinanza jew reġimi mhux domiċili", u żied jgħid li “dawn il-privileġġi li joħolqu tfixkil fis-sistema Ewropea huma offruti mill-Portugall, l-Italja, Malta, ir-Renju Unit u Ċipru."
L-inkjesta trid tkun approvata b’vot fil-plenarja. Madankollu, minħabba li l-abbozz tal-mandat għal dan il-kumitat ġdid diġa ġie approvat mill-konferenza tal-Presidenti, li tirrappreżenta l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew, il-vot x'aktarx ikun formalità.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li se jkun hemm votazzjoni biex jitwaqqaf il-Kumitat matul il-plenarja ta’ Frar fi Brussell fl-1 ta' Marzu li ġej biex imbagħad il-lista ta’ Membri Parlamentari Ewropej li se jiffurmaw parti mill-kumitat se jiġu vvutati matul il-plenarja ta' Marzu li ssir fi Strasburgu bejn it-12 u l-15 ta’ Marzu li ġej.