Kumitat Skart: Iktar logħob taċ-ċess

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li ssir diskussjoni trasparenti dwar impjant ġdid tal-iskart, filwaqt li l-Gvern qed jgħid li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ ma tilqax l-istedina tal-Gvern biex tkun fil-qalba tad-deċiżjoni li dwarha qed jaħdem il-kumitat maħtur apposta.
Fi stqarrija, il-PN qal li bagħat ittra liċ-Ċerpersin tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp Alex Muscat, li fiha spjega li dan il-proġett se jkollu impatt qawwi u fit-tul fuq l-immaniġġjar tal-iskart u konsegwentement fuq l-ambjent f’Malta.
Il-PN qed jitlob li jisma’ lill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ dwar id-deċiżjonijiet li ħadu jew beħsiebhom jieħdu f’dan il-qasam. Il-partit talab ukoll għar-rapporti kollha li saru għall-Gvern dwar dan is-settur kif ukoll biex jisma’ lill-esperti u organizzazzjonijiet involuti f’dan il-qasam.
“Talba kontradittorja mill-PN” – PL
Fi stqarrija l-Gvern qal li jinnota t-talba tal-Oppożizzjoni biex il-problema tal-iskart li ilha tinħema snin twal tiġi diskussa fil-Kumitat Parlamentari. Dan wara li l-istess Oppożizzjoni rrifjutat li tieħu sehem f’kumitat tekniku dwar l-istess materja li qed jiddiskuti u jikkonsulta qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet f’dan is-settur.
Skont il-Gvern din it-talba hi kontradittorja għax fuq naħa l-Oppożizzjoni qed tibqa’ ma tilqax l-istedina tal-Gvern biex tkun fil-qalba tad-deċiżjoni li dwarha qed jaħdem il-kumitat maħtur apposta, u mill-banda l-oħra qed tgħid li trid tkun tiddiskuti permezz tal-Kumitat Parlamentari.  
Il-Gvern qal li filwaqt li japprezza l-irwol tal-Kumitat Parlamentari, f’dan il-każ il-Gvern ried jinvolvi l-Oppożizzjoni minn iktar kmieni.
Fi kliem il-Gvern, l-Oppożizzjoni donnha qed tgħid li qiegħda hemm biex tikkritika biss wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet u għalhekk qed tibqa’ ma tilqax l-istedina li tieħu sehem fil-kumitat.
F’Settembru, Adrian Delia kien sostna li l-PN qatt mhu se jintuża biex isolvi l-problemi li ħoloq il-Gvern stess. Kien qal li jekk din l-istedina hija waħda konsultattiva jew ta’ skrutinju, il-PN jikkunsidra s-sehem tiegħu, iżda ppreċiża li qatt mhu se jċedi għal stedina li tipprova tonsob lill-PN.