Kumitat Parlamentari ma jistax jobbliga barranin jagħtu xhieda

Kumitat tal-Kamra tar-Rappreżentanti ma għandu l-ebda setgħa jobbliga persuni li m’humiex preżenti f’Malta milli jagħtu xhieda quddiemu.
Dan joħroġ minn ruling li ta llejla l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anglu Farrugia dwar in-nuqqas tal-uffiċjal ta’ Trafigura, Naim Ahmed milli jidher quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li qed jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali “An analysis of the effectiveness of Enemalta Corporation’s fuel procurement”. Trafigura kienet waħda mill-kumpanniji involuti fl-iskandlu ta’ korruzzjoni fix-xiri taż-żejt mill-Enemalta.
L-Ispeaker ikkwota diversi dokumenti fosthom l-iStanding Orders, parir tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll dokumenti li jirregolaw il-prassi f’ċirkustanzi simili fil-House of Commons tar-Renju Unit.
Fir-rigward ta’ xhieda residenti fil-ġurisdizzjoni tal-Parlament, dawn jistgħu jiġu obbligati jagħtu x-xhieda tagħhom, u jekk ma jonorawx dan l-obbligu,  jistgħu saħansitra jitressqu l-qorti b’riskju ta’ sentenza li tvarja minn sempliċi twiddiba għall-priġunerija. Fl-istess ħin, din is-setgħa ma hix estiża barra l-konfini ta’ din il-ġurisdizzjoni.
Kumitat Parlamentari, għalhekk, jista' biss jistieden lill-persuni li jgħixu barra minn Malta biex jagħtu xhieda, iżda mhux joblighom.