Kumitat Parlamentari Irlandiż jivvota biex ineħħi l-protezzjoni lil trabi mhux mitwielda

Kumitat Parlamentari Irlandiż ivvota biex mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż titneħħa klawsola li kienet daħlet fil-Kostitutzzjoni tal-pajjiż wara referendum li sar fl-1983, li tagħti l-istess dritt għall-ħajja kemm lill-omm kif ukoll lit-tarbija mhux mitwielda. Il-vot kien approvat bi 15 favur u 2 kontra.
Dan il-vot kien kritikat bl-aħrax minn politiċi li huma Favur il-Ħajja kif ukoll minn ġinekologi u mill-Prof Patricia Casey ta’ Mater Hospital ta’ Dublin li ma dehritx quddiem il-Kumitat bi protest għall-kompożizzjoni żbilanċjata tiegħu.
Prof. Casey ddeskriviet il-proċeduri tal-imsemmi Kumitat bħala farsa. Il-Kumitat ma kellux intenzjoni ġenwina li jisma’ lil min hu Favur il-Ħajja. Kollox kien maħdum biex tittieħed deċiżjoni miftehma minn qabel tant li dan sema’ 25 avukat favur l-abort u tlieta biss li kienu favur li tinżamm il-protezzjoni lit-trabi.
Il-Gvern Irlandiż issa mistenni jagħmel referendum f’Mejju jew Ġunju tas-sena d-dieħla dwar l-abort.  L-għażliet huma li jew jitneħħa għal kollox l-artiklu li jagħti din il-protezzjoni u ssir liġi li tgħid meta l-abort hu permess, jew inkella tkun emendata l-liġi preżenti biex id-dritt tal-ħajja ma jibqax l-istess għall-omm u t-tarbija u tingħata preferenza l-ħajja tal-omm.
L-Isqof Kevin Doran tkellem dwar l-introduzzjoni tal-abort f’każ li l-fetu jkollu xi abnormalita kbira.  Hu staqsa kif ladarba l-inklużjoni u l-protezzjoni ta’ persuni b’diżabilita’ hi karatteristika ewlenija ta’ soċjeta’ ċivili, jista’ jkun hemm diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilita’ li għadhom ma tweldux, sempliċement għax għandhom diżabilita’.
L-Isqof staqsa wkoll x’inhu l-iskop ta’ xi djanjosijiet li jsiru qabel it-twelid, li spiss qed jintużaw biex adulti jiddeċiedu huma liema trabi għandhom jitħallew jitwieldu u liema le. Wera wkoll tħassib għal professjonisti fil-qasam mediku li jkollhom iwettqu abort fejn dan hu permess bla ma jingħataw id-dritt li jkollhom oġġezzjoni ta’ kuxjenza.