Kumitat ġdid għall-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi f’Għawdex

Ġie elett kumitat ġdid għall- Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi f’Għawdex bi 13-il membru wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-15 ta’ Jannar.
L-Assoċjazzjoni tirrappreżenta 180 membru, kollha għaqdiet mhux governattivi f’Għawdex.
Hi għaqda indipendenti u mhi affiljata ma’ ebda partit politiku. Il-membri l-ġodda tal-kumitat huma Saviour Grech bħala president, Adrian Formosa bħala viċi-president, Eman Borg bħala segretarju, Joe Camilleri bħala teżorier, Ryan Bajada bħala viċi-teżorier, Marc Schembri bħala uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi, Joseph Mercieca bħala viċi-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li bħala membri ġew eletti Charlene Debrincat, Rita Bajada, Carmel Zammit, Ryan Mercieca, Carmen Bellamy u Eric Grech.
Fi żmien tliet xhur se ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-Assoċjazzjoni. Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Antoine Vassallo, għalliem irtirat li għadu impenjat sew fil-volontarjat, qal li dan se jsir wara li għaddiet b’mod unanimu l-mozzjoni straordinarja li ġiet ippreżentata waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali.
Vassallo qal li l-mozzjoni saret minħabba li l-membri tal-Assoċjazzjoni ma kinux jafu kif inħatar il-bord elettorali.  Dan wassal biex dawk kollha li ġew innominati jiffurmaw kunsill ġdid, bl-inkarigu li jsejħu Laqgħa Ġenerali Straordinarja sa Marzu.
Hu sostna wkoll li t-tqassim tal-fondi mill-Gvern lill-NGOs Għawdxin fl-aħħar tal-2015 ma kienx loġiku.