Kumitat fil-PE japprova opinjoni mressqa minn David Casa

Il-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fi ħdan il-Parlament Ewropew għadu kif approva opinjoni mressaq mill-ewroparlamentari David Casa.
L-opinjoni, li titratta r-Rapport Annwali għall-2013 tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB), tilqa ż-żieda ta’ 50% fl-2012 fl-iffinanzjar tal-EIB għall-SMEs, li rriżulta fi 2.8 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea.
L-opinjoni tirrimarka wkoll li l-SMEs jistgħu joħolqu biss tkabbir fl-impjiegi jekk opportunitajiet ta’ finanzjar ikunu disponibbli għal investiment b’riskju għoli.
David Casa qal li jilqa’ l-ammont ta’ €9.1 biljun li nefaq l-EIB fl-2013, bl-għan li jippromwovi tgħalim u opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ.
Wara li ttieħed il-vot, il-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-PE sostna li l-SMEs għandhom potenzjal kbir fil-ħolqien tax-xogħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
L-opinjoni issa se tidħol fir-rapport prinċipali li qed ikun diskuss fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.
Din hi t-tieni opinjoni li l-abbozz tagħha sar minn David Casa minn mindu saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju tal-2014.