Filmat: Kultura paternalistika qed iżżomm lin-nisa ‘l bogħod mill-politika – Grech

Diskors fil-Parlament

Irrid nara riforma għal rappreżentanza aħjar fil-Parlament Malti li li għandha twassal biex ikollna mekkaniżmu li tabilħaqq jilħaq l-għan tiegħu li jwassal biex aktar nisa jersqu ‘l quddiem u joffru s-servizzi tagħhom lill-kostitwenti tagħhom biex jirrapreżentawhom fil-Parlament 🇲🇹Id-diskors tiegħi fil-Parlament illejla.

Posted by Bernard Grech on Tuesday, January 12, 2021

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-problema li dejjem żammet lin-nisa milli jidħlu fil-politika hija l-kultura paternalistika Maltija.

Hu kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-diskussjoni fi stadju tat-tieni qari b’emendi kostituzzjonali biex iktar nisa jkunu eletti fil-Parlament.

Grech wera l-fehma li l-problema qatt ma kienet li n-nisa mhux qed jiġu eletti iżda dejjem li mhux qed joħorġu biżżejjed nisa għall-politika. Huwa qal li l-mara dejjem tgħabbiet bil-piż tal-familja. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal is-soluzzjoni tista’ tkun deputati full-time.

Hu appella lill-Gvern jittratta din il-kwistjoni b’mod sħiħ u jilqa’ l-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

Grech qal li minkejja d-diskors li għamel fil-Parlament lbieraħ, il-Prim Ministru baqa’ ma sabx il-kuraġġ li jifraħ lil Roberta Metsola għall-kariga ta’ Viċi President tal-Parlament Ewropew. Bl-istess mod kif ma jismax minn ħaddieħor għaliex iwarrab lil min ikun kontrih fosthom lil Kenneth Grech li kien parti minn tim li fissu pariri li ma għoġbux lill-Prim Ministru.

Dwar il-liġi tad-divorzju, Grech qal li l-PN ma jridx ibiddel biss il-parti dwar l-erba’ snin iżda wkoll problemi li qed jaffettwaw lill-koppji Maltin fosthom il-kalkolu tal-manteniment kif ukoll l-ħatra ta’ esperti full-time biex iħaffu l-proċess.

“L-emendi f’din il-liġi se jsiru biex ikunu vantaġġjati l-PL u l-PN” – L-ADPD

Il-Partit ADPD qal li l-abbozz tal-liġi li jemenda s-sistema elettorali li bħalissa qiegħed jiġi diskuss fil-Parlament huwa biss pass ieħor biex il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jkomplu jevitaw riforma vera fis-sistema elettorali u minflok iridu li jibbenefikaw minn sitt membri parlamentari żejda kull wieħed. Żiedu li f’dan il-każ il-kelma kwota qiegħda tintuża b’mod qarrieqi.

Fi stqarrija, il-kelliema għall-partit Sandra Gauci qalet li huwa qarrieqi li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista dawru l-kunċett ta’ kwoti u rappreżentanza biex jakkwistaw sitt membri parlamentari żejda mingħajr l-ebda sforz biex issir riforma sħiħa fis-sistema elettorali. Hija kompliet li din il-liġi hija diskriminatorja minħabba li dan il-proċess jintuża biss jekk jiġu eletti kandidati li ġejjin mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista.

Is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD, Ralph Cassar qal li biex ikun hemm rappreżentanza xierqa, is-sistema elettorali għandha tinkludi rappreżentanza tal-ġeneru li l-voti kollha jkollhom valur ugwali.

Taqbel mal-punti li għamel Dr Bernard Grech?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt