“Kultura li n-nisa ma jitwemmnux; tħarrax il-vjolenza domestika” – AD

Il-problema wara l-vjolenza domestika hija l-kultura. Dan qalu l-kelliem għall-Alternattiva Demokratika, Mario Mallia wara li ħa sehem fil-protesta li saret kontra l-femiċidji mill-għaqda Women’s Rights Foundation.

Mallia qal li nofs il-popolazzjoni Maltija għadha temmen li n-nisa jesaġeraw meta jirrappurtaw dwar vjolenza domestika. Qal ukoll li huma ħafna li jemmnu li l-femmiċidji jsiru minn barranin, filwaqt li għal kuntrarju, ħafna drabi din tkun kwistjoni familjari. Ir-riżultat ta’ dan iwassal biex nisa li jkunu qed isofru minn vjolenza domestika ma jirrappurtawx għax jaħsbu li mhux se jkunu emnuti. Dan imbgħad iħalli konsegwenzi traġiċi, fejn numru ta’ nisa jispiċċaw jinqatlu.

Skont Mallia, Malta għad għandha ħafna fuq xiex taħdem fuq dan ir-rigward filwaqt li ħeġġeġ lill-Gvern u l-Qorti biex jgħaddu messaġġ ċar favur il-vittmi tal-vjolenza domestika u jkunu assertivi ma’ min jikkawża din it-tip ta’ vjolenza. Hu tkellem ukoll dwar l-importanza tal-edukazzjoni fl-iskejjel f’dan il-qasam li skont il-fehma tiegħu messu ilu li beda b’din il-ħidma.

Aqra l-abbozz minn hawn.