“Kulma għamilt dejjem kien għall-ġid ta’ Malta” – Marlene Farrugia

Id-deputat Indipendenti Marlene Farrugia qalet li hi dejjem ħadmet għall-ġid ta’ Malta kemm bħala parti tal-moviment Laburista kif ukoll fi żmien meta kienet fil-Partit Nazzjonalista fi żmien is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, Marlene Farrugia tkellmet fuq il-każ li nqala’ fil-Parlament mad-deputat Laburista Joe Debono Grech.
Marlene Farrugia qalet li weġġgħet ħafna għaliex qatt ma bassret li tisma’ dak il-kliem iżda qatt ma beżgħet.
Marlene Farrugia kienet kritika ferm tal-mod kif il-Gvern qed jimxi fuq l-ambjent u kkritikat ukoll il-mod kif l-art f’Taż-Żonqor trid jingħata lill-iżviluppaturi fi żmien qasir.
Tkellmet fuq l-Università Amerikana u qalet li l-ewwel kellhom isiru l-istudji u mhux l-art tiġi mwegħda minn qabel.
Qalet li jrid ikollok l-istudji kollha meħtieġa li juru li m’hemmx alternattiva oħra għall-art ODZ sabiex ma jintilifx l-investiment.
Enfasizzat li diskussjonijiet ta’ interess ġenerali għall-poplu qed jitħallew għall-Parlament fi żminijiet ta’ festi bħall-Milied.
Marlene Farrugia qalet li fl-oppożizzjoni, il-Partit Laburista kien jikkritika l-estensjonijiet f’art ODZ li kienu jingħataw iżda meta ġie elett fil-Gvern, il-partit biddel id-diska u l-illegalitajiet li kienu jikkritikaw baqgħu hemm, fosthom il-boasthouses illegali li ngħataw ukoll is-servizzi tad-dawl u l-ilma.
Dwar il-vot kontra l-Ministeru tal-Ambjent fl-estimi tal-baġit, Marlene Farrugia qalet li bil-policies ġodda li qed jiġi proposti, il-bini f’art ODZ se jiżdied.
Enfasizzat li Malta mhix Dubaj jew l-Awstralja fejn hemm ħafna art u żvilupp iżda rridu nsibu l-bilanċ bejn il-wirt arkitettoniku u l-ambjent.
Id-deputat Indipendent qalet li kien hemm żmien qabel l-elezzjoni ġenerali fejn bdiet tara nuqqas ta’ trasparenza u li d-deċiżjonijet kienu qed jittieħdu mir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Żvelat li qabel l-elezzjoni kienet qalet lil Joseph Muscat bl-intenzjoni li ma tkomplix u ma toħroġx għall-elezzjoni iżda ħeġġiġha biex tkompli.
Marlene Farrugia enfasizzat li se tkompli taħdem biex il-poplu jingħata dak li ġie mwiegħed.
Qalet iżda li jista’ jkun li jasal iż-żmien li jekk il-Gvern ma jdawwarx id-direzzjoni u jmur lejn id-direzzjoni li wiegħed ikun hemm lok li l-poplu jkun irid xi ħaġa ġdida.