“Kull tranżazzjoni minn Pilatus Bank għandha tiġi investigata”

David Casa, il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista, sostna li kull tranżazzjoni li tiġi oriġinata mill-Bank Pilatus għandha tiġi mmarkata bħala waħda suspettuża, kif ukoll investigata.
Dan qalu lill-Egmont Group, grupp ta’ 155 unit tal-intelliġenza finanzjarja, li jipprovdu pjattaforma minn fejn jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar terroristiku.
Dan wara li s-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti, u qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Venezwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran, u anke ta’ ħasil ta’ flus.
Fl-aħħar jiem, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u biex jassumi kontroll tas-servizzi bankarji u servizzi ta’ investiment li għandu l-Bank.
Min-naħa l-oħra, wara laqgħa urġenti, l-MFSA iddeċidiet li tkeċċi lil Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet.
Ma’ Newsbook.com.mt Casa kien qal li l-Bank Pilatus jaħsel il-flus taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u ta’ aktar nies li jaħdmu miegħu.