Kull tneħħija ta’ lockdowns trid tkun gradwali – WHO

REUTERS/Denis Balibouse/File Photo

Read in English.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet li kwalunkwe tneħħija ta’ lockdowns li bħalissa huma fis-seħħ f’diversi pajjiżi biex tiġi kkontrollata l-imxija tan-novel coronavirus għandha tkun gradwali, u li jekk ir-restrizzjonijiet jitneħħew malajr wisq jista’ jkun hemm żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet.

Il-miżuri tal-lockdown taw riżultati pożittivi, u kulħadd għandu jkun lest li jadatta għal mod ġdid ta’ ħajja li jippermettu lis-soċjetà biex tkompli tiffunzjona filwaqt li l-virus jinżamm taħt kontroll, qal Takeshi Kasai, Direttur Repjonali tad-WHO għall-Paċifiku tal-Punent.

Irridu nadattaw ħajjitna u s-sisitemi tas-saħħa tagħna skont din il-pandemija, iddikjara Kasai matul konferenza stampa li nżammet online.

“Dan il-proċess ta’ ħajja se jsir in-normali għal kull jum, tal-anqas sakemm jiġi żviluppat vaċċin, jew jinstab trattament tassew effettiv.”

Il-gvernijiet li qed jikkunsidraw li jneħħu l-miżuri ta’ lockdown għandhom jagħmlu dan b’attenzjoni u f’diversi stadji, waqt li jibqgħu jissorveljaw is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-epidemija, kompla jgħid. Sakemm il-virus għadu jiċċirkola l-ebda pajjiż mhu sikur minn tifqigħa oħra li tista’ tkun devastanti. 

“L-individwi u s-soċjetà jridu jkunu lesti li jadattaw għal ħajja ġdida,” qal Kasai.

F’dawn l-aħħar ġimgħat ir-reġjun tal-Paċifiku tal-Punent intlaqat mill-epidemija b’rata ħafna anqas gravi mill-Istati Uniti u mill-Ewropa, madankollu kien hemm żieda fil-każijiet irrappurtati fil-Ġappun u f’Singapor, fost pajjiżi oħra.

Kasai wissa wkoll li l-epidemija ma għandhiex ixxekkel programmi ta’ vaċċinazzjoni oħra bħal pereżempju dawk kontra l-poljo, il-ħosba u r-rubella. Jekk dan iseħħ dan ir-reġjun jista’ jaffaċċja kriżi ġdida fis-saħħa, f’mument meta s-sistemi tas-saħħa diġà jinstabu f’qagħda kritika, temm jgħid.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn