“Kull sens ta’morali u ta’ etika qed jiġi mwarrab mill-politika”

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li f’Malta qed ngħixu f’perjodu ta’ kriżi u li kull sens ta’ morali u ta’ etika qed jiġi mwarrab mill-politika.
Fid-diskors tiegħu fl-għeluq il-Laqgħa Ġenerali Annwali Arnold Cassola qal li l-Allternattiva Demokratika dejjem mexxiet ‘il quddiem il-valuri ta’ politika nadifa, konsistenza u kredibbiltà.
Saħaq li l-Gvern qed jinsa kull sens ta’ etika u morali li ghandhom jikkaratterizzaw il-politika u  qed imexxi biss il-valuri ta’ dinja materjalistika, ibbazata fuq il-kommodifikazzjoni ta’ kollox .
“It-tielet partit ilu 27 sena”
B’referenza għat-tielet partit, Cassola qal li t-tielet partit ilu hemm 27 sena.
Qal li politici ġodda ma jfissrux biss uċuħ ġodda.   Tenna li wiċċ ġdid mhuwiex neċessarjament garanzija ta’ politika ġdida u nadifa.
Tenna li Konrad Mizzi, Keith Schembri ġew ippreżentati bħala uċuħ ġodda fil-politika Maltija imma wasslu għall-politika antika.
“Se jkun hawn kompetizzjoni akbar għall-voti imma ma rridux nwarrbu l-prinċipji bażiċi tagħna”
B’referenza għall-partiti ġodda li qed jitħajru jitwaqqfu, Cassola qal li l-kompetizzjoni għall-vot tan-neis se tikber.
Madankollu qal li jridu joqogħdu attenti għal dak li jkun qed iseħħ u ma jwarrbux il-prinċipji bażiċi tal-Partit fil-kilba għall-voti.
Spjega li l-Alternattiva lesta taħdem ma’ min iħaddan prinċipji fondamentali bħal valuri tal-anti razziżmu u tal-anti xenofobija, il-valuri kritiċi imma pro-Ewropejistiċi, il-valuri ambjentali, governanza tajba u drittijeit ċivili.
L-Eżekuttiv Alternattiva Demokratika 2016
Waqt l-LĠA Arnold Cassola reġa’ ġiet konfermat Chairperson. Carmel Cacopardo Deputat Chairperson.
Ralph Cassar ġie elett Segretarju Ġenerali, filwaqt li Anna Maria Azzopardi Deputat Segretarju Ġenerali.
Simon Galea ġie elett Teżzorier u Luke Caruana Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi.
Claire Azzopardi Lane ġiet eletta Segretarju Internazzjonali u Marc Andrea Cassar u Mario Malli membri tal-eżekuttiv.
L-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ se tinnomina żewġ membri biex jirrappreżentawha fl-Eżekkutiv.