“Kull post għall-kiri għandu jkun reġistrat” – GWU

Read in English.

Il-General Workers Union tgħid li kull post li joħroġ għall-kiri għandu jkun reġistrat mal-awtorità biex ikunu magħrufa d-dettalji dwaru fosthom id-daqs, jekk hux ċertifikat skont il-ħtiġiet tas-saħħa u s-sigurtà u jekk hux abitabbli – b’hekk min se jikri jkollu moħħu mistrieħ dwar x’se jikri.

L-unjin qed tipproponi wkoll li ssir klassifikazzjoni tal-postijiet tal-kiri, fosthom postijiet bi kmamar li jinkrew lil persuni differenti u residenzi li jinkrew fit-tul.

Jitolbu inċentiv għas-sidien u protezzjoni għal min jikri
F’intervista fil-programm Newshour fuq RTK, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja spjega li jeħtieġ li jinħolqu regolamenti li jħarsu d-drittijiet ta’ min jikri, mingħajr ma joħonqu l-investiment ta’ sidien li jridu jikru l-postijet tagħhom. Qal li l- Awtorità għandha tirregola s-suq tal-kera bħal ma hemm f’kull settur ieħor.

Il-General Workers Union qed titlob li jkun hemm awtorità li tirregola l-kirjiet tal-akkomodazzjoni. Dan sabiex ikun hemm inċentiv finanzjarju għas-sidien biex jikru l-postijiet tagħhom u protezzjoni għal min jikri.

“34,000 ħaddiem barrani – kulħadd għandu jkun protett”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma kif bħalissa fl-industrija Malta hawn mal-34,000 ħaddiem barrani u jekk il-kera tal-akkomodazzjoni tkun għola mill-paga, dawn ma jkollhomx interess jibqgħu jaħdmu f’Malta.

Spjega kif l-Awtorità dwar il-kirjiet għandu jkollha r-rwol ta’ tribunal f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn is-sid u l-inkwilin u tiddermina wkoll ir-responsabbiltajiet tas-sid u tal-inkwilin, eżempju fil-każ ta’ manutenzjoni.

Il-GWU qed titlob li l-Gvern jibqa’ jżomm ir-responsabbiltà għall-akkomodazzjoni soċjali, ikompli jiffaċilita biex iktar persuni isiru sidien ta’ djarhom u jżid il-binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali.