​Kull nhar ta’ Ħadd, diversi attivitajiet għall-ASMK

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kellha diversi attivitajiet, dik ewlenija fil-kumpless f’Ta Qali bil-Karozzi Autocross, muturi Trials f’barriera fin-Naxxar u f’Għawdex kien hemm l-ewwel tiġrija Pre-Championship bil-Motocross fil-Korsa tal-Muturi fin-Nadur Għawdex.
Philip Joe Vella kien l-aqwa sewwieq Malti fuq Opel Nova billi rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata u ħa postu fil-finali klassi A f’din l-ewwel tiġrija tal-Kampjonat. Sewwieqa ohra li kkwalifikaw kienu Vince Farrugia fuq VW Polo, Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, Andrew Pisani u Josef Abela it-tnejn fuq Opel Nova u Melo Zammit fuq Opel Corsa. 
F’Għawdex, fi Klassi A, Paul Muscat fuq KTM iddomina din il-klassi tant li dan rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata u ġie ddikjarat rebbieħ. Fi Klassi B ikkwalifikaw Godfrey Bigeni, Matthew Vella, Daniel Camilleri, Kyle Camilleri, Keith Bugeja, Etienne u Joseph Bigeni, Charles Borg, Matthew Mercieca u Joseph Hili.
Etienne Bigeni b’mutur Honda żamm postu fuq quddiem segwit min Joseph b’mutur Suzuki u Godfrey b’mutur Honda. Dawn baqgħu jidefendu l-post tagħhom sal-ahhar fejn irrnexielhom jieħdu l-podju kollu f’idejn is-sewwieqa Għawdxin. Fir-raba post spicca Joseph Hili fuq mutur Honda waqt li fil-hames post spicca Matthew Mercieca fuq Mutur Kawasaki.
Fis-sezzjoni Trials fin-Naxxar, fi Klassi A, Damon Bonello fuq mutur Gas Gas iddomina l-ġurnata segwit minn Gary Debono fuq mutur Sherco u Robert Caruana fuq Gas Gas.
Fi Klassi B Joseph Scicluna fuq mutur Gas Gas iddomina l-klassi segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta u Manuel Camilleri fuq mutur Gas Gas.
Intant nhar il-Ħadd li għadda wkoll, it-tim ta Andrew Cassar u Mathieu Salomon kienu fi Sqallija fejn ħadu sehem f’tiġrija Enduro li saret f’ċirkwit fejn iż-żewġ kompetituri jsuqu pari. Il-Maltin spiċċaw fis-seba’ post minn 17-il tim fuq korsa ta’ ħames sigħat.
Fl-aħħarnett nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK se tieħu sehem bil-muturi fil-President’s Bike Ride li sa ssir l-ewwel darba bil-muturi. L-Assocjazzjoni flimkien mal-membri kollha tal-muturi mistennija titlaq minn Ta’Qali fid-9:00am skortata mill-pulizija biex fl-10:00am joħorġu fil-Bike Ride mill-Palazz ta’ San Anton. Din il-President Bike Ride li hija twila madwar 62 kilometru, mistennija tispiċċa fil-kumpless sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali fejn se tiġi mtella’ attività bil-muturi u r-roti.