Kull min jaf il-verità għandu jitkellem – L-Isqof Scicluna

Bi kliem ċar u b'ton sod, l-Isqof Charles Scicluna llejla ħeġġeġ lil min jaf il-verità biex jitkellem. Qal li b'hekk tkun tista' ssir il-ġustizzja dwar każi ta' abbużi fi ħdan il-Knisja.
Meta wieġeb il-mistoqsijiet ta' Peppi Azzopardi waqt Xarabank, l-Isqof Scicluna li bħalissa huwa l-Amministratur Appostoliku tal-Knisja f'Malta, qal li kien ixxukjat meta sar jaf mill-gazzetti dwar l-allegat każ ta' abbuż minn patri.
Spjega li ma jagħtix tort lin-nies li jkunu rrabjati meta wieħed mill-membri tal-Knisja "jonqos bil-kbir speċjalment meta jkollu responsabbiltajiet kbar. Meta jkun hemm dell fil-ħajja tagħna, issir ħafna ħsara."
Stqarr li kien irrabjat li din il-persuna ma dehritx il-qorti għat-tielet darba, għax fi kliemu "wieħed għandu jagħmel sforz u jekk qed issejjaħlek il-ġustizzja, għandek tersaq."
L-Isqof Scicluna afferma li l-Knisja bdiet taħdem fuq il-każ malli saret taf bih.
Spjega li qed issir ħidma biex il-Knisja tqassar iż-żmien ta' investigazzjoni dwar dawn l-allegati każi. U kif skont il-bidla li saret fil-liġi fl-2010, il-Knisja hi marbuta li tgħaddi lill-pulizija l-każi li jinvolvu allegat abbuż fuq minuri.
L-Isqof Scicluna kkummenta li min jipprova jixtri s-silenzju f'dawn il-każi ikun qed jagħmel diżunur lill-Knisja.
"Għandna bżonn il-verità. Min għandu jitkellem, jitkellem għax il-verità biss teħlisna, dan hu kliem Ġesù," tenna Mons. Scicluna.
Spjega li l-unur tal-Knisja jkun imħares meta l-problemi jkunu affrontati u mhux imqiegħda taħt it-tapit.
L-Amministratur Appostoliku tal-Knisja f’Malta temm billi tenna s-sejħa tiegħu biex"'il-merħla tgħin u titkellem", għax "l-agħar għadu tal-ġustizzja hu l-ħabi u s-silenzju."