Kull min hu mgħammed jikkoopera fix-xandir tal-Kelma

Missjunarja twassal il-Kelma t'Alla fil-Jamaica

Il-Papa Franġisku, waqt l-Angelus ta’ nhar il-Ħadd qal li l-okkażżjoni ta’ Jum il-Missjoni hi opportunità tajba għal kull min hu mgħammed biex isir aktar konxju tal-bżonn li nikkoopraw fil-proklamazzjoni tas-Saltna t’Alla billi nġeddu l-impenn tagħna għax-Xandir tal-kelma.

Hu qabad ma’ passaġġ fit-Tieni Qari tal-liturġija tal-ġurnata fejn fit-tieni itta tiegħu lil Timotju, San Pawl jgħidlu: “Ippriedka l-Kelma, kun dejjem preprat; ikkoreġi; ċanfar u nkoraġixxi b’ħafna paċenzja u b’tagħlim għaqli”.  Il-Papa qal li San Pawl dan qalu minn qalbu u Timotju kellu jħossu responsabbli għall-proklamazzjoni tal-Kelma.

Sforz ġdid

Il-Papa rrefera għall-Ittra Apostolika “Maximum illud” promulgata mill-Papa Benedittu XV, li għamlet “sforz ġdid għar-responsabbiltà missjunarja tal-Knisja kollha”. Hu qal li fil-kuntest tal-lum, “il-messaġġ ta’ Benedittu XV għadu rilevanti u jistimulana biex negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna u minn kull forma ta’ pessimiżmu pastorali, biex ninfetħu għall-ferħ tal-Evanġelju”.

Papa Franġisku qal li dan ifisser li “nisimgħu sew is-sejħa għall-missjoni mal-popli kollha, ma’ dawk kollha li anke fostna qed jgħixu fil-periferija”. Hu wissa’ li billi “ngħixu bħala aħwa fiċ-ċrieki żgħar tagħna jfisser li nkunu qed noħonqu l-Ispirtu s-Santu li jgħaqqadna biex nipproklamaw ma’ kulħadd li Kristu hu l-paċi tagħna u Fih, kull firda tingħeleb u Fih biss tinsab is-salvazzjoni ta’ kull bniedem u kull poplu”.

It-talb indispensabbli għall-missjoni

Il-Papa fakkar lil dawk preżenti fi Pjazza San Pietru u lilna lkoll f’dik il-kundizzjoni indispensabbli biex “ngħixu l-missjoni tagħna sal-aħħar”, jiġifieri “it-talb kontinwu skont it-tagħlim ta’ Kristu kif proklamat fl-Evanġelju fejn insibu l-parabbola dwar il-bżonn li nitolbu u ma naqtgħux qalbna. “It-talb hu l-ewwel għajnuna li l-Poplu t’Alla jista’ jagħti lill-missjunarji”.

Huwa qal li Jum il-Missjoni “hu okkażżjoni tajba wkoll biex nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien nitlob għall-missjunrji? Jien nitolob għal dawk li jitiqlu f’artijiet imbiegħda biex iwasslu l-Kelma t’Alla billi jagħtu xiehda tagħha?”

Il-Papa temm ir-riflessjoni tiegħu b’talba biex il-Madonna, Omm in-nazzjonijiet kollha, takkumpanja u tipproteġi lill-missjunarji tal-Evanġelju, kuljum.