“Kull liġi li jipproponi l-Gvern iridu jarawha l-membri tal-kumitati tal-PN” – Delia

Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, irid li kull liġi li jipproponi l-Gvern tgħaddi għand il-membri tal-kumitati tal-PN.
Delia qal dan fi stqarrija meta kompla jispjega xi tfisser il-viżjoni tiegħu ta’ “mod ġdid” kif isiru l-affarijiet jekk isir Kap tal-PN.
Din kienet waħda mill-proposti immirati sabiex il-kumitati sezzjonali tal-parti ikollhom sehem u responsabbiltà akbar fl-amministrazzjoni.
Il-kandidat qal li wasal għal dawn il-proposti wara li kienu bosta l-membri minn kumitati differenti fil-partit li stqarru miegħu li ma jingħatawx biżżejjed ċans biex jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika tal-partit.
Dr Delia spjega kif qalulu li l-ambizzjonijiet tagħhom mhumiex apprezzati mill-qalba tal-partit, li, fi kliemhom, jużawhom biss biex iqassmu t-tesseri u jiġbrulhom il-flus.
Barra minn hekk, Delia ppropona li:

  • Kull inizjattiva tal-Gvern li se taffettwa lil xi lokalità tistenna reazzjoni tal-kumitat konċernat
  • Il-kumitati sezzjonali jkunu involuti fl-għażla tal-kandidat għal kull elezzjoni
  • Attivitajiet kummerċjali tal-partit iridu jiġu diskussi mal-kumitati sezzjonali tal-lokalità affettwata
  • Titfassal skeda ta’ diskussjoni għall-kumitati fuq il-midja tal-partit
  • Il-kumitati jitħeġġu jidħlu f’inizjattivi flimkien mill-amministrazzjoni ċentrali