Kull konversjoni vera tfisser futur ġdid

Il-Papa Franġisku jkellem lill-pellegrini wara t-talba tal-Angelus il-Ħadd li għadda
Meta kellem lill-folla miġbura fil-Pjazza tal-Vatikan għat-talba tal-Angelus nhar il-Ħadd li għadda, l-papa Franġisku qal li l-Vanġelu ta’ dakinhar jippreżentlana żewġ atitudnijiet differenti: dik tal-Iskrivi u l-Fariżej fuq naħa;  u dik ta’ Kristu fuq in-naħa l-oħra.
L-iskrivi u l-Fraiżej iedu jikkundannaw lill-mara adultera proprju għaliex “iqisu lilhom infushom bħala l-gwardjani tal-liġi u l-applikazzjoni stretta tagħha”. Iżda Ġesù ried isalvaha “għax HU għandu l-ħniena t’Alla li jifdi billi jaħfer u jġedded permezz tar-rikonċiljazzjoni”.
Il-Papa Franġisku qal li l-Vanġelu jagħmilha ċara li l-iskribi u l-Fariżej ġiebu l-mara quddiem Ġesù biex jippruvawh u jsibu xi ħaġa biex jakkużawh biha. Kieku Ġesù qal li l-mara ma kellhiex   tkun imħaġġra kienu jakkużawh b’disubbidjenza għal-liġi; u jekk jgħid li għandha tkun imħaġġra kienu jirrappurtawh lir-Rumani li ma kienux iħallu lill-Lhud jeżerċiraw il-piena tal-mewt.
Narmu l-ġebel tal-kundanna
“Il-Fariżej kienu magħluqa b’legaliżmi dojoq u riedu jdaħħlu lil Iben Alla fil-perspettiva tagħhom ta’ kundanna”. Iżda Ġesù ġie fid-dinja “mhux biex jiġġudika u jikkundanna, imma biex isalva u joffri lill-poplu ħajja ġdida”. Meta Ġesù qal “Ħallu lill-ewwel wieħed li hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla”, kien qed jappella għall-kuxjenza tal-bniedem u jfakkarhom li huma wkoll kienu midinba.
“Din ix-xena tistieden lil kull wieħed minnha wkoll, biex nirrealiżżaw li aħna midinbin,” qal il-Papa u ssejħilba biex “inħallu jaqa’ minn idejn il-ġebel tat-tmaqdir u l-kundanna, tas-seksik li kull tant nagħmlu fuq l-oħrajn”. Meta nwaddbu dan il-ġebel lejn l-oħrajn insiru bħall-iskribi u l-Fariżej tal-Evanġelju.
Papa Franġisku hawnhekk ikkwota minn Santu Wistin u qal li wara li dawk li akkużawha telqu, baqgħu biss il-mara u Ġesù baqgħu “il-miżerabbli u l-Ħniena”.  Ġesù ma jikkundannax lill-mara għax “Alla ma jridx il-mewt tal-midneb imma li dan jikkonverti u jgħix”.
Ġesù joffrilna ħajja ġdida  
Imma meta jibgħat lill-mara, Ġesù juża dan il-kliem sabih: “Mur, u tidnibx aktar”.  Il-Papa spjega li Ġesù, bil-ħniena tiegħu, lil din il-mara “fetħilha triq ġdida, triq li titlob minnha impenn biex fil-futur ma tidnibx. Dan hu invit li jgħodd għalina lkoll”.
“F’dan iż-żmien tar-Randan aħna msejjħa biex nagħrfu li aħna midinbin u nitolbu maħfra lil Alla”. Il-maħfra tgħinna biex nibdew l-istorja tagħna mill-ġdid għax “kull konversjoni twassalna għal futur ġdid, għal ħajja ġdida, għal ħajja sabiħa, ħajja ħielsa mid-dnub, ħajja ġeneruża”.