Tfal imutu kull 5 sekondi – Nazzjonijiet Magħquda

Nazzjonijiet magħquda tarbija tfal mewt

Madwar 6.3 miljun tifel u tifla mietu qabel ma għalqu 15 il-sena fl-2017, jiġifieri meta wieħed jieħu medja jfisser li kien hemm mewt kull ħames sekondi tul is-sena kollha. Skont rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet setgħu ġew evitati hekk kif seħħew minħabba nuqqas ta’ ilma, sanità, nutrizzjoni u kura bażika.

Il-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet, jiġifieri 5.4 miljun minnhom, kienu mwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin. It-trabi tat-twelid jammontaw għal nofs ir-rapporti ta’ mwiet.

Skont espert li jaħdem fi ħdan il-fondi għat-tfal tal-UNICEF tan-Nazzjonijiet Magħquda, Laurence Chandy, permezz ta’ soluzjonijiet sempliċi bħal mediċini, ilma nadif, elettriku u titqib, dawn l-imwiet jistgħu jonqsu b’mod drastiku. Madanakollu sostna li jekk ma tittiħidx azzjoni immedjata, mas-56 miljun tifel u tifla se jitilfu ħajjithom sal-2030.

Fl-2017, nofs l-imwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin seħħew fl-Afrika sub-Saħarjana. F’din iż-żona wieħed minn kull tlettax mietu qabel ma laħqu l-ħames snin. F’pajjiżi bi dħul akbar, dawn l-imwiet seħħew bir-rata ta’ wieħed minn kull 185.

Skont l-esperta, dawn it-tfal imutu minħabba kawżi preventibbli jew li jistgħu faċilment jiġu trattati bħall-kumplikazzjonijiet fit-twelid, polmonite, dijarea, neonatal sepsis u malarja. Min-naħa l-oħra tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-14-il sena ġeneralment tilfu ħajjithom minħabba ġrieħi aktar prominenti li jinkludu meta wieħed jgħereq jew ikun involut f’inċident tat-traffiku.

Minkejja dan, ir-rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda jgħid li l-imwiet fit-tfal qed jonqos kull sena. Dan hekk kif minn 12.6 miljun mewta fl-1990, niżlu għal 5.4 miljuni fl-2017 fejn jidħlu tfal taħt il-ħames snin.