Kull ħaddiem għandu jiġi trattat l-istess

Il-General Workers’ Union u l-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Josianne Cutajar saħqu li kull ħaddiem għandu jiġi trattat l-istess. Waqt laqgħa tal-Amministrazzjoni tal-GWU mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, ġie diskuss fuq kemm huwa essenzjali li l-prinċipju fil-liġi tax-xogħol marbut ma’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jitwessa’. Saħqu kif l-ugwaljanza għandha twassal mhux biss għall-eleminazzjoni tax-xogħol prekarju, iżda wkoll għal tejbien ta’ kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

Bugeja saħaq kif għalkemm saru passi ‘l quddiem rigward il-qerda tal-prekarjat, xorta waħda fadal xi jsir. Żied jgħid li jekk jidħol il-prinċipju tal-ħlas ugwali, mhux biss ħa jitjieb id-dħul tal-ħaddiema, iżda anke se jgħin biex dawn ma jħossuhomx diskriminati fuq il-post tax-xogħol. Cutajar żiedet tgħid li dawn id-differenzi fil-kundizzjonijet bejn ħaddiema impjegati mal-kumpanija u dawk impjegati mal-kuntrattur fuq l-istess post tax-xogħol, qed itellfu l-armonija u anke qed inaqqsu l-produttività.

Fil-laqgħa ġew anke diskussi l-qasam tal-housing, it-tkabbir ekonomiku, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll l-immigrazzjoni. Bugeja saħaq kif “fil-postijiet tax-xogħol fejn hemm preżenza tal-Unjin l-isfruttament ma jeżistix”. B’hekk żied jgħid kemm huwa importanti li kull ħaddiem għandu jkun imsieħeb fi trejdunjin, għax b’hekk jonqos l-isfruttament u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.